Laqtiet

1 6 7 8 9 10 15

Fejn Jinsabu l-Periti?

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Mela din l-istorja ħelwa fakkritni meta għall-ħabta tal-1968 kont għadni l-iskola u kelli nistudja l-ktieb My Family and Other Animals ta’ Gerald Durrell. Isemmi li fil-Greċja, xi ħadd kien bena dar u meta ġew biex jidħlu fiha ndunaw li kienu nsew jagħmlu t-taraġ. Allura kien ikollhom jitilgħu u jinżlu b’sellum!

B’din l-istorja rrealizzajt li tal-ktieb xejn ma kienet ħaġa stramba. Għaliex?

Mela f’Benidorm, fi Spanja, ittellgħu żewġ torrijiet għoljin 200 metru, li kienu qed jitqiesu bħala l-viżjoni tal-futur għal dak il-pajjiż, li qed jipprova jirpilja mill-kriżi finanzjarja li għattbitu.

BDL Books - Laqtiet

Il-bini, li jikkonsisti f’47 sular għar-residenzi, kien maħsub li jkun l-ogħla bini residenzjali fl-Ewropa kollha.

Iżda ftit xhur qabel ma tlesta, il-kuntratturi ħabbtu wiċċhom ma’ problema mmensa. Insew jibnu lift!

Għall-bidu, t-torrijiet kienu disinjati biex jogħlew sa 20 sular, iżda l-iżviluppaturi ambizzjużi ddeċidew li jirduppjawhom. Għalhekk, il-lift li kellhom ordnat u twaħħal fil-post, iwassal biss sal-għoxrin sular u għall-kumplament (20 oħra) dak li jkun irid juża t-taraġ. Issa, l-gazzetta Spanjola El Pais irrappurtat li la hemm spazju għal lift ieħor u lanqas għat-tagħmir tal-mutur.

Dan il-bini kellu jkun inawgurat fl-2009, iżda minħabba r-riċessjoni fil-pajjiż, kollox mar il-baħar. Meta f’Lulju ta’ tliet snin ilu kien stallat il-lift għall-20 sular, dan waqa’ u weġġa’ lil 13-il ħaddiem.

Hu rappurtat li s’issa nbiegħu biss 35 fil-mija tal-appartamenti, li jlaħħqu għal 269. Il-kumplament se jitlestew sa Diċembru tas-sena l-oħra u jinbiegħu bi prezz ferm orħos.

Ħġejjeġ bit-tyres tal-karozzi

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Snin ilu, ħafna mill-irħula Maltin kienu jiftaħru bil-ħuġġieġa ta’ San Ġwann – drawwa li qed tnin bil-mod il-mod. Iżda mhux hekk f’Belfast. Bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa 12 ta’ Lulju f’nofsillejl, sar in-nar annwali mil-lealisti Protestanti. Dawn jagħmlu ‘torri’ ta’ tyres tal-karozzi, li jkun ogħla minn 100 pied, biex ifakkru l-Battalja tal-Boyne, u jaħarquhom.

BDL Books - Laqtiet

Din il-ġrajja li ssir kull sena tara total ta’ 550 parata fl-Irlanda ta’ Fuq, fejn ikun hemm mijiet ta’ pulizija extra għassa ma’ kull triq. Fis-snin mgħoddija l-uffiċjali tal-pulizija kienu jkunu ssuttati u mweġġgħa bil-bricks, fliexken u bombi tal-petrol. Is-sena l-oħra kienu sparati wkoll xi tiri u ntefgħet bomba lejhom f’Ardoyne. Iċ-ċelebrazzjoni tfakkar it-telfa tar-Re Kattoliku James, mill-Protestant William of Orange, fl-1690, li kienet waħda mit-tidwiriet ewlenin fl-istorja Irlandiża.

BDL Books - Laqtiet

Kultant, it-tyres li jingħataw in-nar, jammontaw għal eluf, li jarmu ilsna tan-nar ħoxnin, b’duħħan velenuż mil-lastiku jaqbad. Hu magħruf li l-ħruq tat-tyres hu illegali, u ħaddiema tal-kumitat mhux darba u tnejn neħħewhom minn fuq xulxin. Minħabba f’hekk, f’dawn l-aħħar snin kien qed ikun hemm irvellijiet fit-12 ta’ Lulju.

BDL Books - Laqtiet

Din is-sena wkoll, turrun tyres li kienu jlaħħqu l-40 pied, waqa’ fuq bini, għaxar mili ’l barra mill-belt. Hu magħruf ukoll li n-numru ta’ inċidenti kawżati minn din il-ġrajja, qiegħed kulma jmur jonqos. Fl-2011, kien hemm 49 sejħa bejn is-6 p.m. tal-11 ta’ Lulju u t-8 a.m. tat-12 ta’ Lulju. Is-sena li għaddiet, is-sejħiet niżlu għal 29.

Djar tal-Fantasija fis-Siġar

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Pete Nelson hu perit b’ambizzjonijiet mhux tas-soltu. Għal dawn l-aħħar 15-il sena wettaq b’mod reali l-ħolm tat-tfulija tiegħu – li jibni djar uniċi fis-siġar. Pete ta’ 50 sena minn Seattle, bħalissa qed jippreżenta l-wirja televiżiva tiegħu stess bl-isem ta’ ‘Treehouse Masters’ fuq Animal Planet. 

Hu jsostni li d-djar tas-siġar huma direttament marbutin man-natura u għalhekk aħna ninsabu fi ħdan dawn l-istess siġar. Mindu beda n-negozju tiegħu fl-istat ta’ Washington, id-disinjatur Nelson Treehouse, bena mijiet ta’ djar moħbija f’26 stat f’disa’ pajjiżi.

F’Waco, Texas bena waħda minn dawn id-djar ta’ 800 pied kwadru kompluta b’kamra tal-banju u televiżjoni flatscreen enormi, waqt li f’Rhinebeck, New York bena Dar tal-Ispirti, bi gwida minn shaman. F’kelma waħda, Nelson hu l-bniedem li mill-ħolm jgħaddi għall-fatti.

BDL Books - Laqtiet

Pete Nelson jistqarr li d-djar fis-siġar mhux biss jiġbru lill-familji flimkien, iżda anki lil ħbiebhom u lil komunitajiet sħaħ. Dan hu l-każ tal-familja ta’ Pete innifisha. Il-fantasija tiegħu għad-djar fis-siġar nibtitlu meta kellu ħames snin u missieru għenu jibni waħda. Issa, li hu missier hu stess, Pete qed isib l-għajnuna għan-negozju tiegħu f’ibnu Charlie, li għandu 21 sena u hu mastrudaxxa u bintu Emily ta’ 23 sena. 

Għalkemm id-djar fis-siġar jitqiesu bħala logħob għat-tfal, Pete jassigura li ħafna mill-klijenti tiegħu huma nies adulti li qed ifittxu li jinqatgħu mill-għagħa tad-dinja. Hu jgħid ukoll li jkollu telefonati minn individwi li jqabbduh jibnilhom dar fis-siġar għal uliedhom, iżda jħoss li d-djar ikunu se jsiru għalihom infushom. Għax waqt li l-ewwel dar li bena ma’ missieru kienet waħda sempliċi, id-disinji tiegħu llum huma spettakulari.

Il-ħidma tiegħu tinkludi djar lussużi fil-friegħi, fosthom birrerija, u dar tonda magħmula mis-sufra, b’fuklar fin-nofs. L-aktar dar tas-siġar mibnija minn Pete u li swiet l-ogħla ammont ta’ flus, saret f’ Yelm, Washington, għall-prezz ta’ €275,000.

Sigra enormi taqa’ hdejn pjazza

altFil-pjazza ta’ Londra, għall-ħabta tas-2.30 p.m. ġara aċċident li waqqaf għal ftit il-qlub ta’ dawk kollha li nzertaw hemm. Siġra enormi tqaċċtet u waqgħet ftit metri bogħod minn fejn tfal żgħar kienu qed jilagħbu fi skola tat-tfal.
Din is-siġra enormi tal-luq, wiesgħa 10 piedi u twila 60 pied, waqgħet f’salt u għaffġet xi karozzi fi Pjazza Colville. Kienet tabilħaqq xorti tajba li s-siġra waqgħet lejn in-naħa ta’ barra tat-triq, flok fil-pjazza nnifisha.
Rochelle Labarrie, li tgħix faċċata tas-siġra, qalet li t-tfal u l-ħaddiema li jindukarwhom, dak il-ħin kienu fil-bitħa. “Smajt ħoss enormi u ibni qalli li kienet waqgħet is-siġra. Fl-istess waqt bdejna nisimgħu l-allarm tal-karozzi, li ħa f’ħin wieħed hekk kif is-siġra għaffġithom taħtha.
Mill-inqas żewġ karozzi; Toyota Avensis u Mercedes tant ġarrbu ħsara estensiva, li mhumiex se jissewwew, waqt li tliet karozzi oħra tgħaffġu u tkissru b’mod li jistgħu jitranġaw u jerġgħu jinstaqu.
Ħadd ma jaf kif din is-siġra nqalgħet u waqgħet, għalkemm għeruq kbar kienu ilhom viżibbli ’l fuq mil-livell tal-art.
Ħaddiema tal-komunità qalet li bosta residenti kienu lmentaw minn din is-siġra – li għandha ’l fuq minn 100 sena – għax xejn ma kienet tidher li hi stabbli, waqt li kelliem għall-kunsill qal li l-istess siġra nżabret fi Frar u għaddejja investigazzjoni biex jinstab x’ikkawża l-waqgħa tagħha. Ħadd ma weġġa’ fl-inċident.
 

Ħajja sempliċi bi ftit infiq

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Hi tabilħaqq ħajja tajba għal Yvonne u Steven Lucas, li jonfqu biss madwar €4.60 fix-xahar għall-kont elettriku u s-sħana tad-dar tagħhom. Dan kollu billi jgħixu l-‘Ħajja t-Tajba.’

Yvonne ta’ 48 sena u Steven ta’ 53 minn Hampshire, naqqsu l-kontijiet tad-dawl tagħhom billi stallaw il-pannelli solari, ikabbru l-ħxejjex u l-frott li jikkunsmaw u jiġbru l-ilma tax-xita biex jifflaxxjaw il-lokijiet tagħhom.

Il-koppja prudenti fasslu ħajjithom fuq il-karattri tal-kummiedja televiżiva tas-sebgħinijiet, The Good Life, li fiha kienu jieħdu parti Richard Briers u Felicity Kendal. Dawn kienu ħolqu mod ta’ ħajja sempliċi u suffiċjenti għalihom infushom.

Mindu stallaw arloġġ tal-ilma raw il-kontijiet tal-bungalow tagħhom, bi tliet kmamar tas-sodda, jinżel minn €232 fis-sena għal inqas minn €35 kull sitt xhur. Għandhom ukoll biċċa art f’Surrey, b’xehdiet tan-naħal biex jipproduċu l-għasel u tiġieġ biex ikollhom bajd frisk.

BDL Books - Laqtiet

Il-makakk Steven xtara l-ewwel sett ta’ pannelli solari fl-1992 u beda l-kampanja ta’ tfaddil tiegħu sa minn meta spiċċa bla xogħol fl-2010. Hu, li kien jaħdem bħala inġinier tal-elettronika jgħid li: “Konna żorna ċ-Ċentru tat-Teknoloġija f’Wales fl-1992 u xtrajna l-ewwel par ta’ pannelli solari. Minn hemm evolvejna.

“Dejjem kabbarna l-prodotti b’mod organiku, iżda mill-ewwel rajna li kellna naħdmu ferm aktar b’risq l-ambjent biex matul is-snin ikollna aktar u aktar prodotti li nikkunsmaw. Yvonne u Steven, li  għandhom żewġ ulied subien, James, ta’ 22 sena u Jonathan ta’ 19, stallaw il-pannelli solari fil-ġnien tagħhom ta’ 40 pied biex jiġġeneraw ilma sħun, li jużaw fid-dar tagħhom.

BDL Books - Laqtiet

Yvonne, li hi għalliema qalet: “Aħna ma ngħaddux elettriku lill-grid nazzjonali, peress li naħżnu l-enerġija f’sistema mħaddma minn batterija ta’ żewġ kilowatt. “Jekk il-ġirien ma jkollhomx provvista tad-dawl, aħna xorta nkunu nistgħu nixegħlu, nqabbdu l-magna tal-ħasil u dak kollu meħtieġ.

“Barra minn hekk, mis-sistema li ħloqna għall-ġbir tal-ilma jkollna madwar 1,000 gallun, li nużaw għal-lokijiet u għall-ħajja ta’ kuljum. Imbagħad, il-jams, chutneys, cordial u nbid nagħmluhom aħna stess, kif ukoll inżommu n-naħal għall-għasel. “Aħna minn dejjem kellna fi ħsiebna l-ġardinaġġ u r-riċiklaġġ, għax inħobbu stil ta’ ħajja b’ambjent san.”

BDL Books - Laqtiet

Yvonne u Steven, li huma veġetarjani għandhom tliet qatgħat; żewġ serer u l-ġnien, fejn ikabbru aktar minn 15-il siġra tal-frott, varjetà kbira ta’ ħxejjex u ħwawar, fjuri u numru ta’ vaski.

Meqjus bl-iktar ħalliel stupidu fl-Ingilterra

Charles B. Spiteri

alt

Ħalliel xurban li ħataf stazzjon tal-petrol, liebes borża tal-plastik f’rasu, intbagħat sentejn ħabs.

F’umiljazzjoni akbar, il-kompliċi tiegħu ipprova jbellagħha lill-ħaddiema mara tal-pompa, li ċ-ċellulari tiegħu kien pistola – iżda nqabad meta nxtegħlitlu l-keypad. Allura għafset l-allarm. Namie Neil, ta’ 41 sena kien arrestat wara li Lauren Holley pulizija mara, li rat il-filmat tas-CCTV għarfitu jumejn wara s-serqa, meta kienet qed issuq biex twassal lil ommha d-dar. Hi ma kinitx b’xogħol, iżda ċemplet l-għassa għall-għajnuna.

Il-Qorti semgħet kif Neil u Gareth Tilley, ta’ 20 sena kienu d-dar meta qatgħuha li jisirqu l-garaxx. Huma qabdu l-aktar oġġett qrib tagħhom biex ma jingħarfux. Tilley dawwar xalpa ma’ rasu iżda Neil libes borża tal-plastik trasparenti u għalhekk, wiċċu ġie jidher sew fuq is-CCTV. Xi jiem wara, uffiċjal li ma kienx fuq xogħol għaraf lil Neil fit-triq.

Waqt is-seduta tal-Qorti, id-Ditektiv Steve White qal li l-mod li bih Neil ipprova jqarraq fid-dehra tiegħu kien l-aktar mod ridikolu li qatt iltaqa’ miegħu. Il-qorti semgħet ukoll li ż-żewġt irġiel kienu f’sakra ma jarawx art meta ħatfu l-istazzjon tal-petrol.

Rota mutur b’rota waħda

altX’jibqa’ kieku kellek taqsam Segway jew scooter? Ikollok l-iscooter elettrika Ryno, li nstab li hu impossibbli li taqa’ minn fuqha. Din hi scooter b’rota waħda, li tieħu l-enerġija tagħha minn batterija u barra milli tinstaq b’ħeffa ta’ 25 mil fis-siegħa, tista’ tipparkjaha fejn trid, mingħajr ma tħallas.
 
Ir-rota kienet disinjata minn Ryno Motors, li jinsabu f’Portland u saret speċifikament għal dawk in-nies li jħossu li t-trasport pubbliku qed iwassalhom tard fejn ikunu jridu jmorru u apparti dan ma jħallsu xejn biex jipparkjawha. Hi taħdem bħas-Segway, jiġifieri s-sewwieq irid imil ’il quddiem biex jaċċellera u jintelaq ftit lura biex inaqqas il-ħeffa tas-sewqan, jew jieqaf.
Iżda kontra s-Segway, l-iscooter Ryno għandha teknoloġija li jekk is-sewwieq jiġġenneb ħafna lejn ix-xellug jew il-lemin, inkella ’l quddiem jew lura, ma jinqalibx. Ir-Ryno tiżen 57 kilogramm u titla’ għoljiet sa 30 grad. L-idea għaliha ġiet lil bint il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv Chris Hoffmann, fl-2009. Hi kienet rat mutur b’rota waħda f’logħba li kienet qed tilgħab u talbet lil missierha jagħmlilha waħda bħala biex tmur biha lejn l-iskola.
 
altHoffman hu tal-fehma li bi prodott bħar-Ryno, sewwieq jista’ jgħaddi minn sqaqien u mill-ġonna bla ma jkun ta’ periklu għal ħadd. B’hekk jasal ferm qabel. Id-disinjaturi qed jgħidu li tista’ tittella’ wkoll fuq il-ferroviji jew tinsaq f’postijiet pedonali. Il-batterija tagħha tista’ tinqala’ biex terga’ tiġġenera l-enerġija fiha, billi jiddaħħal il-plug tagħha fid-dawl. Biex tagħmel hekk iddum madwar siegħa u nofs.
 
Hoffman jgħid ukoll, li biex persuna titgħallem issuq ir-Ryno, kulma tieħu hi nofs siegħa u n-nies li jarawk jaħsbuk artist taċ-ċirku.  Meta kienet inawgurata tliet snin ilu, ir-Ryno kienet stmata li tiġi tiswa madwar €2595.57.
 

Sejba imperjali importanti

altArkeologi fl-Amerika t’Isfel irnexxielhom isibu qabar mhux mimsus taċ-ċiviltà antika u misterjuża tal-Wari. Minnu, qalgħu l-iġsma mummifikati ta’ tliet irġejjen u ħdejhom teżori tad-deheb u sagrifiċċji makabri umani. 
 
It-tempju tal-mejtin, li għandu madwar 1,200 sena nstab fis-sit El Castillo de Huarmey, daqs erba’ sigħat sewqan mill-kapitali Peruvjana, Lima.
 
Is-sejba tipprovdi manjiera ta’ informazzjoni fuq l-imperu enigmatiku Wari, li rrenja fuq l-Andes ferm qabel is-suċċessuri tagħhom l-Incas.
 
altL-arkeologu Milosz Giersz hu tal-fehma li din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-arkeoloġija fil-Perù li sabu qabar imperjali tal-imperu u l-kultura Wari.
altIr-riċerkaturi qed jgħidu li s-sejba se tgħinhom iqiegħdu flimkien il-ħajja fis-sekli Andes, qabel ma feġġ l-imperu tal-Incas; li kitbu fid-dettal dwaru l-Ispanjoli li ħakmuhom.
 
Fil-mawsolew, li nkixef ftit xhur ilu viċin sit ta’ piramidi qrib il-kosta, nstabu bċejjec tad-deheb, ċeramika u 63 skeletru ta’ madwar 1,300 sena ilu. Ir-riċerkaturi qalu li ħafna mill-iġsma li nstabu f’kamra tad-dfin kienu ta’ nisa mummifikati, ilkoll bilwieqfa – sinjal li kienu nisa rjali u li n-nisa Wari kellhom aktar poter milli qatt kien maħsub qabel.
 
altIl-Wari, li sabu posthom hemm min-naħa t’isfel tal-Perù kienu jaħkmu fuq parti kbira tal-pajjiż bejn is-sena 500 u 1,000 sena wara Kristu. Huma kienu jidfnu lill-qraba tagħhom u f’qabarhom kienu jħejjulhom il-proviżjonijiet tal-ikel u l-għodda tas-sengħa li kienu jaħdmu.
 
L-arkeologa Patrycja Przadk qalet li “n-nisa kienu midfuna b’imsielet ta’ metalli prezzjużi, li qabel kien jingħad li jintużaw biss mill-irġiel.”
 
Fost l-artefatti li nstabu maġenb l-irġejjen mummifikati kien hemm għodda tal-insiġ magħmula mid-deheb, skieken u mnanar ritwalistiċi, kikkri, kontenituri għall-weraq tal-coca u tiżjin mill-isbaħ biċ-ċeramika.
 
L-istoriċi jsostnu li l-Wari kienu l-ewwel nies li rnexxielhom jgħaddu diversi tribujiet f’xibka sofistikata madwar ħafna mill-art li llum hi magħrufa bħala l-Andes Peruvjana.
 
altIl-bioarkeologu Wieslaw Wieckowski qal li sitt skeletri ma kinux imgeżwra fid-drapp, u għalhekk aktarx kienu sagrifiċċji umani għall-elit li ġew mummifikati. “Kienu nies li ntefgħu ħajjin fil-qabar, qabel ma dan kien issiġillat,” qal.
 
L-istess arkeologi qalu lin-National Geographic li huma żammew silenzju fuq il-ħidma tagħhom minħabba l-biża’ li jkun hemm xi ħallelin, li jsiru jafu bil-post u jisirqu kulma kien hemm.
 
 

L-itwal rota fl-Indonesja

Charles B. Spiteri

alt

Qisu dan l-aħħar kulħadd moħħu fil-Guinness World Records, għalkemm l-Indonesjani ma tantx naħseb li jaħdmu għal hekk.

Madankollu għadu kif irnexxielhom joħolqu rota twila 44 pied minn pajpijiet tal-azzar li kienu qed isaddu. Fuqha jirkeb bniedem wieħed u nħadmet minn 84 pied ta’ pajpijiet fil-villaġġ ta’ Blawe, fil-Lvant ta’ Java. Hi ġiet reġistrata uffiċjalment fil-Mużew Indonesjan tar-Rekords, wara li t-tul tagħha għamilha ikbar mill-akbar waħda li saret, bi tmien piedi.

altIżda għalkemm kisret ir-rekord Indonesjan, dan l-isforz fadallu triq twila biex jikseb it-titlu tal-itwal rota li hawn fid-dinja. Li hu żgur hu li bħalissa r-rekord hu miżmum minn Mijl van Maers Werkploeg, li fil-5 ta’ Awwissu tal-2011 bena waħda twila 117-il pied u ħames pulzieri, f’Maarheeze, l-Olanda.

Madankollu, qed ikun ikkontestat li biex rota tikkwalifika bħala l-itwal waħda fid-dinja, irid ikollha żewġ roti biss u mingħajr stabbilizzaturi. Dik tal-Olandiż titħaddem minn tnejn min-nies; wieħed fuq it-tmun fuq quddiem u l-ieħor jaqdef fuq wara nett. Iżda minn tiftix li għamilt, sibt li r-rota tal-Olandiz fiha żewġ roti u bla stabbilizzaturi.

Wirt tas-seklu 16 meqrud

altIs-sidien tal-ħanut tax-xorb, ta’ żmien Sir Francis Drake, li jmur lura għas-seklu 16, iġġiegħlu jiżbgħuh minn ġewwa, mill-uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà. Il-ħanut tax-xorb, bl-isem ‘The Minerva Inn’ hu mimli travi storiċi tal-injam, maqlugħin mill-galljuni tal-Armada Spanjola li nqabdu fil-battalja tal-1588. 
 
altIs-saqaf tal-istess ħanut kien mimli b’eluf ta’ messaġġi u graffiti li tħallew mill-klijenti regulari u mill-baħrin ta’ madwar 500 sena ilu. Għalhekk, Shelly Jones, li tieħu ħsieb il-ħanut xtrat verniċ mill-aqwa, biex waqt li ma tħallix il-post b’periklu għan-nar, iżżomm kemm jista’ jkun il-karatteristika antika tal-ħanut. 
 
altIżda l-ordni tal-uffiċjali kienet għal żebgħa mod ieħor. Minħabba f’hekk l-uniku rimedju kellha tkun żebgħa magnolia, li qerdet għal kollox l-antikità tal-post. Hu mifhum li Sir Francis Drake kien jgħix ftit bibien ’l hinn mill-‘Minerva’, il-ħanut tal-1540, u li hu meqjus bħala l-eqdem ‘pub’ fi Plymouth, Devon. Hu maħsub li l-kolonna wieqfa tat-taraġ kienet ukoll arblu ta’ bastiment Spanjol. 
 
Is-servizz ta’ kontra n-Nar u s-Salvataġġ qal li l-aħħar ħaġa li xtaq jagħmel, kien ħsara lill-karattru tal-ħanut, iżda skont hu, il-ħajja tal-bniedem għandha tiġi l-ewwel.
 
1 6 7 8 9 10 15