Imħabba bla namur u b’laqgħat fil-British Institute

Charles B. Spiteri

altminn Charles B. Spiteri

Pawlu u Maria huma t-tnejn Għawdxin, għalkemm ilhom madwar 56 sena jgħixu Malta. Huma wkoll, bħal numru kbir ta’ Maltin ta’ snin oħra jagħtu xhieda ta’ mħabbithom li diġà daħlet fil-66 sena tagħhom. Kif jirrakkuntaw, l-imħabba tagħhom ma kinitx ward u żahar biss, iżda kellhom ukoll il-morr ta’ dak kollu li jħabbat ma’ wiċċ il-bniedem. Madankollu, l-imħabba tagħhom rebħet kull ostaklu u jemmnu f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca, li l-veru għani hu dak li ma jixtieq xejn.

Kien ix-xahar ta’ Lulju u kienu għadhom kif temmew l-eżamijiet tal-iskejjel. Marija kienet f’Form II tas-Central School. Jiftakru ż-żmien meta minn Malta kien jitla’ s-Sur Cauchi, li kien Inspector. Dan kien jagħti xi lectures fil-British Institute ta’ Għawdex, u bl-iskuża tagħhom kienu jiltaqgħu ftit.

Maria kellha dawk l-14-il sena u Pawlu kien ftit akbar minnha. Ta’ 17-il sena, Pawlu kien diġà laħaq għalliem. Kien mar sena l-Kulleġġ St. Michael’s, għax kien hemm kors u aċċettawh. Kien jgħallem klassijiet ta’ filgħodu u ta’ filgħaxija, għax l-istudenti kienu jagħżlu liema klassi jmorru. Għal tliet snin kien jgħallem fl-iskola Sta Ubaldeska, f’Raħal Ġdid. Kien joqgħod Malta l-ġimgħa kollha u nhar ta’ Ġimgħa wara nofsinhar imur Għawdex.

Jiftakar sew it-traġedja tad-29 ta’ Ottubru, 1949. Hu kien wieħed minn dawk li ċemplu għal dgħajsa biex twassalhom Għawdex. Meta mar il-Marfa sab li kienet diġà mimlija. Mit-tlieta li kienu ċemplu, kien rikeb biss Pawlu Zammit — li baqa’ ħaj u ieħor li kien il-lukanda Belleview, ċertu Karmnu mill-Qala, ġuvnott ta’ xi 15-il sena. Dan meta ra lil Pawlu offrielu li jersaqlu biex jitla’. Iżda Pawlu ma telax u telaq bil-mixi sal-Mellieħa mal-ieħor li baqa’ l-art. L-għada semgħu bl-għarqa tad-dgħajsa. Kienu mietu 23 ruħ. Fuq id-dgħajsa kien hemm ukoll kelb li salva u baqa’ jistenna lil sidu sa wara li tellgħuh mejjet.

It-trobbija

Maria, ir-raba’ minn disa’ aħwa, ulied Ġużeppi u Maria Anna Scicluna mir-Rabat Għawdex, tirrakkonta li waqt li ommha kienet omm ħabiba, missierha kien ta’ dixxiplina kbira. Kien wieħed min-neguzjanti ewlenin tal-gżira Għawdxija. Kellhom ħanut tal-għamara, ieħor tal-fajjenza, li kien jimporta u ieħor tad-drappijiet. Lil uliedu ma kien iħallihom imorru mkien, iżda fejn jidħlu suġġetti ta’ skola, kien iħeġġiġhom jattendu. Kien b’riħet hekk li hi u Pawlu kellhom dawk il-mumenti flimkien, waqt il-lezzjonijiet.
Madankollu taf li kien hemm raġel li kien iċempel lil missierha u jgħidlu biex imur jara bintu Maria ma’ min kienet qiegħda.

Il-quddiesa wkoll kienet toffrilhom iċ-ċans li jħarsu ftit lejn xulxin u jitkellmu b’għajnejhom, għax dak iż-żmien, l-irġiel kienu jinqatgħu għalihom f’naħa u n-nisa naħa oħra.

Min-naħa tiegħu Pawlu kien it-tieni wild minn 14 aħwa. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġorġ u Regina. Huma wkoll kellhom in-negozju u Pawlu minn dejjem kien meqjus bħala l-breadwinner. Isemmi li fl-antik, l-Għawdxin kienu jgħixu ħajja ta’ family economy – dak kollu li jiggwadanja wieħed, imur f’borża waħda u minnha tiekol il-familja kollha. U allura anki l-paga tiegħu kienet meqjusa bħala hekk. Jiftakar li għall-bidu kien jaqla’ Lm17 fix-xahar u aktar tard tela’ għal Lm27.

Il-festa ta’ Santa Marija

Darba f’Awwissu, fil-festa ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ, iż-żewġ familji kienu Marsalforn. Kellhom post hemm għas-sajf. Maria u Pawlu ltaqgħu fil-festa u qagħdu ftit flimkien. Wara ftit Maria rat lil missierha għaddej. Stenniet li meta tirritorna d-dar jagħmlilha xi xenata. Iżda minn dan kollu ma ġara xejn, għax kif taħseb hi, kien diġà jaf b’xi ħaġa minn xi ħadd. Iżda wara dik il-laqgħa, ma ħallihiex toħroġ aktar. Mhux hekk biss, talli peress li kien jaf li Pawlu kien jirreċta mas-Salesjani, lanqas sal-Oratorju ma kien iħalliha tmur.

Min-naħa tiegħu Pawlu ma kellux l-istess problemi. Jgħid li huma kienu familja kbira u midħla tad-drawweit ta’ dak iż-żmien. Li ġuvni jkellem xbejba u jiltaqa’ magħha regolarment, ma kinux jarawha bi kbira, la ommu lanqas missieru.

Il-ħanut ta’ Ġoġò

Ġoġò kien in-neputi tal-Isqof Pace u kien jaf bl-imħabba ta’ Pawlu għal Marija. Dan kellu ħanut tal-kotba bieb ma’ bieb mad-dar ta’ Maria u peress li Pawlu minn dejjem kien iħobb il-kotba, kien imur għandu.
Dak iż-żmien f’Għawdex ma kienx hemm wisq ħwienet tal-merċa u ħafna mix-xiri kien isir mis-suq. Iżda meta omm Maria ma kien ikollha bżonn tixtri xejn, bintha kienet tibqa’ d-dar. Allura biex Ġoġò juriha li Pawlu kien qiegħed għandu, kien iħabbtilha fuq it-tieqa ta’ barra u jgħidilha “bil-għatx il-gawwi”.

Missier Maria kellu xi ftit oppożizzjoni li bintu tkellem lil Pawlu u dan għar-raġuni li Pawlu kien ikun spiss Malta u b’hekk hi ma tkunx taf x’inhu jagħmel. Iżda minn hemm u minn hawn it-triq ta’ mħabbithom kompliet miexja ’l quddiem u Pawlu wasal biex daħal id-dar. Omm Maria kienet ferħana bl-għażla ta’ bintha, kif kienet ferħana wkoll li binha kien wasal biex jilħaq saċerdot. Madankollu għall-omm, dan il-ferħ ma damx bosta. Hekk kif binha ordna għal saċerdot, hi ma setgħetx tattendi għax mardet. Marru għall-ewwel quddiesa tiegħu, il-missier u ħutu s-subien. Imbagħad l-Isqof Pace tah permess iqaddes id-dar. Aktar tard dakinhar stess, lil omm Maria sarilha l-Vjatku. Dan kien ukoll ]mien xahrejn mindu Pawlu daħal għandhom.

Dixxiplina

Biex il-koppja Mizzi turi kemm kienet iebsa d-dixxiplina fi żmienhom irrakkuntatli li darba, Pawlu ftakar li Dun Alwiġ kien bagħat risposta għal Fr. Mangion. Ma kienx hemm tul ħlief tefgħa ta’ ġebla. Pawlu talab lil missier Maria biex iħalliha tmur miegħu ġirja u jirritornaw. Kulma wieġbu l-missier kien: “Jekk tmur l-Oratorju waħdek, se titlef it-triq!”

Namur ma kinux jafu x’inhu u baqgħu hekk sa jum iż-żwieġ. L-unika passiġġata li kienu jagħmlu flimkien kienet fl-1 ta’ Novembru – Jum il-Qaddisin kollha. Dak iż-żmien kienet festa kmandata. Kulħadd kien imur iċ-ċimiterju.

Maria kienet tmur ma’ oħtha, li dak iż-żmien kienet tinnamra wkoll. Bis-saħħa tal-erwieħ kienu joħorġu u għalihom kienet tkun passiġġata ta’ darba fis-sena.

L-għerusija

altL-għerusija ta’ Pawlu u Maria kienet sempliċi ferm, minħabba li ommha kienet mietet. Ta’ 21 sena Maria kienet ħadet il-piż kollu tad-dar, peress li oħtha ikbar minnha kienet iżżewġet fis-sajf li kienu se jiżżewġu fih huma u oħtha l-kbira kienet diġà żżewġet u kellha żewġt itfal. Huma taw iċ-ċrieket lil xulxin u għal din l-okkażjoni kienu attendew biss il-ġenituri ta’ Pawlu fid-dar ta’ Maria. Minn dakinhar bdew iħejju għaż-żwieġ, li kien ippjanat għal Awwissu. Missier Maria kellu dar ċkejkna li ħallieha vojta biex jirranġaha għalihom. Tahielhom b’kera. Iżda kellhom jipposponu d-data peress li xahar qabel kien miet ħu Pawlu (aktarx fl-ewwel inċident stradali f’Għawdex). Ħuh, Ġorġ kien qed jirritorna d-dar wara l-festa ta’ Santa Margerita u ttajjar minn trakk.

Għalhekk, Pawlu u Maria qatgħuha li jiżżewġu l-Ħamis filgħodu tas-27 ta’ Diċembru, 1956. Għal-libsa tat-tieġ Maria kienet niżlet Malta ma’ Ġanna ta’ Pawla, li kienet il-ħajjata Għawdxija magħrufa ghal kif tivvinta l-ħwejjeġ tat-tiġijiet. Xtraw id-drapp mingħand Camilleri ta’ Triq Merkanti, l-Belt. Oħtha Maryrose, li kienet il-bridesmaid kienet għamlitilha libsa miksija bil-biċċiet tal-madreperla.

Iżżewġu fil-knisja ta’ San Ġorġ u qaddsilhom ħu Maria stess, Fr Salvinu Scicluna u kien Maġistrat tas-Sagra Rota fil-Vatikan, għal 40 sena.
Bħala xhud għaż-żwieġ Pawlu kellu lit-Tabib Anton Tabone, li kien prinċipal tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u tabib tal-familja u Maria kellha lit-Tabib Nicholas Scicluna, li barra milli kien zijuha, kien ukoll prinċipal ta’ Chambray.
Bħall-familji kollha Għawdxin ta’ dak iż-żmien, it-tieġ sar fid-dar tal-għarusa u r-ritratti ġibidhomlhom il-ħabib tagħhom Francis Cremona. Imbagħad fuq l-insistenza ta’ Fra Ġorġ, Agostinjan iz-ziju ta’ Pawlu, kellhom jin]lu Malta għand Cassar Photo Studio, il-Ħamrun u jieħdu ritratt tal-okkażjoni. Fra Ġorġ qasam il-fliegu magħhom għax kien ħabib ta’ Giuseppe Cassar.

Għal qamar il-għasel niżlu jumejn Malta, fil-British Hotel, il-Belt. Mhux qabel, imma, ħadu l-bukkett tat-tieġ tagħhom lill-Madonna ta’ Pinu. Hekk kienet id-drawwa tal-Għawdxin.

Maria tirrakkonta li wara t-tieġ, u sewwasew għall-going away, reġgħet xiddet il-libsa sewda għal tliet snin u magħha ġabret lil oħtha ż-żgħira Mary Rose kif kienet ix-xewqa ta’ ommha. Maż-żmien, missierha reġa’ żżewweġ u oħtha Mary Rose baqgħet għal kollox ma’ Maria u Pawlu. Meta waslet biex tiżżewweġ, sa ħarġet ukoll mid-dar tagħhom.

Il-Ħajja miżżewġa

Għalkemm kellhom id-dar mikrija ta’ missier Maria, Pawlu minn dejjem xtaq li jkollu d-dar tiegħu. Sab art qrib ħutu u daħal għaliha. Dak iż-żmien ma kienx diffiċli ssib l-art u l-prezz għaliha ma kienx ikun għoli. Terġa’ l-War Damage kien jislef Lm750 għall-bini, li minnhom jieħu lura Lm350 biss. L-art stajt toħodha b’ċens ta’ xi Lm5 fis-sena u wara żmien tifdih.

Fl-ewwel dar tagħhom, u sena u xahar wara ż-żwieġ, lil Pawlu u Maria twelditilhom l-ewwel tarbija – Annamaria, li għandha żewġt itfal, Andrew u James. Imbagħad, fit-tieni dar, li issa kienet proprjetà tagħhom tweldulhom Ginette, illum miżżewġa lil Mario Grima, l-ispiżjar tal-Vittoriosa Pharmacy u għandhom żewġt itfal oħra; Yan u Maria. Wara sitt snin, Pawlu u Maria kellhom lil Joseph, illum gradwat u direttur tal-Klabb Kotba Maltin, li hu miżżewweġ lil Suzanne u għandhom lil Nicholas. B’hekk, Pawlu u Maria huma nanniet ta’ ħamsa.

Residenza

Illum il-ġurnata il-koppja Mizzi toqgħod l-Imdina. Faċċata tagħhom joqgħod l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca. Darba sejjaħ lil Maria u qalilha: “Intom, fi żmienkom ma kellkomx Moviment ta’ Kana, iżda nara li bħala familja ssudajtu. Kif żammejtu dan?”

Meta Maria semmietlu l-valuri reliġjużi u s-sagrifiċċji, l-Arċisqof fehem u weġibha: “Għedtli biżżejjed. Illum il-kelma sagrifiċċju, ħadd ma jrid jaf biha.” Biex jispjegali aħjar Pawlu rrakkuntali li peress li l-paga kollha kien jagħtiha lil ommu, meta ġie biex imur għal qamar il-għasel ma kellux flus, u qal lil missieru jagħtih xi ħaġa. Meta l-missier kien jaf li ibnu ma kellu xejn, tah Lm40. Missieru ma ridhomx u moħħ Pawlu għadu jtektek li beda l-ħajja miżżewġa b’dejn ta’ Lm40.

Mistoqsija kif sabu ruħhom Malta, qaluli li Pawlu ried jagħmel kors universitarju u ma riedx iħalli lil martu Għawdex bi tlett itfal. Allura telqu minn Għawdex u ġew hawn. Terġa’ Pawlu minn dejjem kien iberren li ’l quddiem f’ħajtu kellu jiftaħ l-ewwel Dar tal-Pubblikazzjonijiet – ħaġa li rnexxielu jwettaqha fil-milja tagħha.

altGħal għeluq il-50 sena miż-żwieġ, Maria u Pawlu xtaqu jmorru Ta’ Pinu jirringrazzjaw lil Madonna, iżda dakinhar tal-50 anniversarju bdew jirċievu telefonata wara oħra. Kienu t-tfal li għamlulhom reklam f’ġurnal bla ma qalulhom. Imbagħad Ginette qaltilhom ma jmorru mkien peress li kienu se joħorġuhom u filgħaxija kellu jasal Malta Fr. Fabio Attard u jqaddsilhom id-dar, peress li kien maltemp. Imbagħad marru jieklu f’ristorant fl-Imdina.

Mitlubin jagħtu parir lill-koppji tal-lum, Maria qalet li meta koppja jkollha xi tilwima, għandha ssolviha fid-dar matrimonjali bejnietha. Jekk jonqos il-kliem, xi ħadd minnhom għandu jibni l-kuraġġ u jibda jitkellem.

Min-naħa tiegħu Pawlu hu tal-fehma li s-sagrifiċċji huma s-sisien għal ħajja ta’ mħabba vera. Isostni li bis-sagrifiċċju u bla mħabba żwieġ iżomm, iżda bl-imħabba biss mingħajr sagrifiċċji, kollox jaf imur il-baħar.