Diġà għaddew sentejn minn meta l-grupp ROOTED tal-Qawra wera l-interess tiegħu sabiex jagħmel xi ħaġa ħalli l-memorja tal-ġenerazzjoni anzjana tal-Qawra ma tintilifx. Fil-fatt, f’Settembru 2011, ROOTED, ippubblika l-ktieb flinkien mad-DVD, From A Rural Haven to a Tourist Paradise, u ppreżentah lill-pubbliku waqt il-festa tal-paroċċa ta’ San Franġisk t’Assisi. Din il-pubblikazzjoni kienet suċċess kbir u ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku. Dakinhar, anke permezz tal-aġenzija Ewropea responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti – EUPA, rnexxielna nonqxu t-tifkiriet antiki tal-anzjani, li llum uħud minnhom m’għadhomx magħna. B’hekk żammejniehom milli jintilfu darba għal dejjem.
Fuq talba tal poplu, ROOTED qed jippreżenta din il-pubblikazzjoni bil-Malti, li tixbah lil dik tal-2011, iżda mhix l-istess. Fil-fatt, Il-Qawra Titkellem mhuwiex biss traduzzjoni imma minn ħafna aspetti jista’ jitqies bħala edizzjoni kompletament ġdida, għaliex lil hinn mil-lingwa, hemm ħafna żieda. Wieħed jista’ jsib kapitli sħaħ li huma ġodda, u oħrajn miktuba mill-ġdid b’żieda u msebbħa. Insomma, imsawwar u minsuġ b’iżjed tagħrif interessanti. Hemm fatti li nstabu f’dawn is-sentejn mir-riċerka li ROOTED kompla jagħmel. Riċerka li mhux biss insiltet mill-kotba, imma fuq kollox mil-laqgħat man-nies li jiftakru xi ħaġa u xtaqu jonqxuha għal dejjem fuq il-karta. Nies li għalkemm ma twildux il-Qawra, iħossuhom parti mill-istorja tagħha, għaliex kienu hemm meta l-Qawra, minn medda art tixbah mużajk, għalqa ħdejn għalqa mifruda biss mill-ħitan tas-sejjieħ, passaġġi mserrpa u siġar tl-ħarrub bla għadd, qabdet il-proċess dejjiemi tal-iżvilupp li donnu ma jistax jieqaf. Jew inkella nies, li ħarsu mill-bogħod lejn dan it-tibdil kollu u xtaqu li t-tifkira li għandhom tal-Qawra ma tintilifx.
Iż-żmien bit-tibdil kollu li jġib miegħu jgħallem, u jgħallem ħafna, dan għax ir-riflessjoni ta’ dak li jkun timmatura u wieħed jifhem li jista’ jagħmel aħjar. Dan il-ktieb, għalhekk huwa t-tentattiv ta’ ROOTED biex jagħti lill-pubbliku interessat fil-Qawra ġabra iktar kompluta u aħjar dwar dan il-post fil-Grigal ta’ Malta li għadu qed jevolvi u jinbidel. Tibdil li qisu jrid jgħid li l-Qawra għada miexja lejn iżjed żvilupp. Tibdil li kull sena jara mijiet ta’ nies u familji, żgħar u kbar, li jagħżlu l-Qawra biex ixenxlu għeruqhom fiha. Jew inkella koppji li llum irtiraw mid-dinja tax-xogħol u ġew il-Qawra jfittxu post viċin il-baħar, fejn jistgħu jgawdu l-pensjoni tagħhom.
ROOTED ma jippretendix li Il-Qawra Titkellem ma ħalla xejn barra minn dak li wieħed jista’ jgħid jew jikteb dwar il-Qawra. Iżda li hu żgur, hu li fittixna iżjed, u stinkajna kemm flaħna biex din il-ġabra tkun aktar sħiħa. Għalhekk, għal darb’oħra, ROOTED jerġa’ jafda ktieb ieħor f’idejn il-pubbliku għat-tagħrif personali tiegħu, biex jistħarreġ u jixtarr storja ta’ post f’Malta, li għalkemm huwa mfittex ħafna, l-istorja tiegħu ftit li xejn hija magħrufa. Wieħed jittama, li din l-edizzjoni hija iżjed viċin in-nies għaliex hija miktuba bil-Malti u għalhekk għandha tilħaq aktar qarrejja u tqajjem iżjed interess dwar il-Qawra fil-qalb ta’ dawk in-nies li llum isejħulha darhom. Jekk dan il-ktieb iqanqal mistoqsijiet fil-qarrej, ikun laħaq l-għan tiegħu, għaliex kif jgħid il-Malti, “il-mistoqsija hija oħt il-għerf”. Wieħed jifraħ meta jiftakar li kemm From a Rural Haven to a Tourist Paradise u Il-Qawra Titkellem huma frott ta’ mistoqsija li qanqlet lil ROOTED biex jistħarreġ u jiġbor is-sejbiet tiegħu f’dawn il-pubblikazzjonijiet.
Sylvia Sammut