Kien beda Awwissu u l-festa ta’ Santa Liena kienet fil-qrib. Xi jiem qabel, il-mamà ħadet lil Luca u lil Elise sa Tas-Sliema, u xtratilhom libsa u żarbun mis-sbieħ nett. Imbagħad lejlet il-festa, marru għand in-nanna Marija u n-nannu Ġużi. Malli dalam, in-nanniet u t-tfal irħewlha lejn il-pjazza ta’ Birkirkara biex igawdu l-atmosfera tal-festa. Kullimkien kien maħnuq bin-nies. In-nannu refa’ lil Luca fuq spallejh biex jara l-murtali li bdew ifaqqgħu waħda f’waħda fis-smewwiet. In-nanna u Elise qagħdu jħarsu lejn il-vetrini tal-qubbajt. It-tiżwieqa ta’ kuluri tas-sigarri tal-qubbajt imkebbin fil-fidda roża, ħadra, blu u vjola kienet iżżid mal-atmosfera allegruża tal-festa.
Mat-tokki ta’ nofsillejl beda l-ġigġifogu. Kulħadd sab postu fuq iz-zuntier tal-knisja u fil-pjazza biex isegwi l-ispettaklu. Luca u Elise baqgħu ċċassati jħarsu lejn ir-roti jduru bin-nar ikkulurit għax tassew kien fihom gost x’tara. Kien tard ħafna xħin in-nanniet u t-tfal marru lura d-dar u daħlu jorqdu mill-ewwel.
L-għada kulħadd qam kmieni u libes f’ħakka t’għajn. Elise kienet donnha pupa bil-libsa bajda silġ kollha fjuri roża żgħar u bil-kappell tat-tiben f’rasha li kien jaqta’ sew mal-kulur qastni ta’ xagħarha. Lil ħuha wkoll xeraqlu l-qalziet qasir jagħti fiċ-ċelest u l-qmis oranġjo bil-rigi bojod. In-nanna Marija żanżnet libsa roża l-ġmiel tagħha u n-nannu Ġużi libes qalziet griż u qmis bajda.
Wara ftit tal-ħin il-familja kollha marret fil-Bażilika ta’ Santa Liena. Luca u Elise kienu aktar ħsiebhom fil-marċi milli fil-paniġierku. Malli ntemmet il-quddiesa bdiet il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Santa Liena fost l-għajjat, iċ-ċapċip u d-daqq tal-marċi. Wara ftit, Luca ntefa’ bilqiegħda ħdejn il-papà u kważi raqad, iżda Elise kompliet iddur qalb il-karti mitfugħin mit-twieqi tan-nies u tiżfen mal-marċi. Sadanittant in-nannu qagħad jixrob il-birra mal-ħbieb tiegħu u n-nanna u l-mamà qagħdu jitkellmu ma’ xi ġirien.
Wara d-dħul tal-istatwa u l-barka sagramentali kulħadd telaq lejn id-dar u poġġa madwar il-mejda tal-ikel. Ir-riħa tfuħ tal-istuffat tal-fenek kienet ilha tinxtamm minn filgħodu. Issa kien imiss li jittiekel flimkien mal-ispagetti. Meta l-familja kollha kienet kielet u xorbot bil-qalb, in-nanna ħarġet il-plattini u serviet is-suflè. Kif raw lil kulħadd medhi jitkellem, Luca u Elise marru baxx baxx fis-salott biex jiskopru x’kien hemm fiż-żewġ pakketti żgħar miksijin bil-karta minn lewn il-fidda li kienu lemħu aktar kmieni fuq l-armarju tal-kewba. Iżda kienu qegħdin fil-għoli wisq u ma setgħux jilħquhom. F’daqqa waħda semgħu lin-nanna tgħajtilhom b’dak il-leħen ħelu tagħha. Huma ħarsu lejn xulxin, u ftehmu li mal-ewwel ċans li jkollhom jerġgħu jiżgiċċaw sas-salott.
Kienu saru madwar l-erbgħa ta’ wara nofsinhar xħin il-mamà u l-papà bdew jaħsbu biex imorru lejn id-dar. In-nanna Marija refgħet lil Luca u lil Elise u tathom bewsa fuq il-warda ta’ wiċċhom. In-nannu Ġużi mar fis-salott, ħa ż-żewġ pakketti minn fuq l-armarju, u newwilhom lit-tfal. Wiċċhom xegħel għax saflaħħar kienu qabdu l-oġġetti misterjużi b’idejhom. Tahom ferħ ta’ ġenn sakemm qattgħu l-karti tal-fidda, u xħin sabu żewġ kotba bil-Malti tgħidx kemm qabżu bil-ferħ, u għannqu waħda kbira lin-nannu. Wara ftit, il-mamà, il-papà u t-tfal rikbu fil-karozza, u n-nanniet baqgħu jxejrulhom sakemm tbiegħdu sew mit-triq.