minn Charles B. Spiteri
Brenda Caunter, li fl-1972 kienet qed tqiegħed u tirranġa l-kaboċċi f’posthom, f’għalqa fejn kienet taħdem, baqgħet sorpriża għall-aħħar meta ndunat li ċ-ċurkett tat-tieġ tagħha kien ħarġilha u waqgħalha qalb l-istess ħamrija mxarrba tal-kaboċċi.
Hi u żewġha Dave fittxewh kemm felħu għal numru ta’ jiem. Meta qatgħu qalbhom, Brenda kellha tikkuntenta b’ċurkett ieħor.
Illum, li Brenda għalqet it- 62 sena, għandha żewġ ċrieket tat-tieġ, grazzi għal fittiex tat-teżori lokali, li sabilha ċ-ċurkett mitluf meta kien qed ifittex għal muniti medjevali permezz ta’ apparat li kapaċi jsib il-metalli mirdumin. Hu rritorna ċ-ċurkett mitluf lil Brenda wara li kien ilu mitluf 41 sena.
Kien Dave, ir-raġel ta’ Brenda li meta ġimgħa ilu kien għaddej mill-istess post fejn martu kienet tilfet iċ-ċurkett, lemaħ lil ġar ifittex b’metal detector għal muniti antiki. Waqaf, u rrakkuntalu l-ġrajja ta’ martu. Ftit jiem wara, l-istess persuna ċemplitilhom id-dar u għarrfithom li kienet sabitilhom iċ-ċurkett!
Inkredibbilment, kien għadu f’kundizzjoni perfetta, minkejja li kien ilu midfun 41 sena. Hi tirrakkonta li dakinhar li tilfitu, kienet liebsa l-ingwanti tal-plastik. Metawaqfet u neħħiethom, indunat li magħhom kien ħarġilha ċ-ċurkett tat-tieġ u waqgħalha.
Min sabu, li xtaq jibqa’ anonimu, qal li mhux darba u tnejn ħareġ bil-metal detector biex jipprova jsib muniti medjevali u rnexxielu. Din id-darba, kellu jsib iċ-ċurkett mitluf, li jirrapprżenta l-unjoni dejjiema bejn Brenda u Dave!