Laċertu / Luċertu

Martin Morana

altLUĊERTU/LAĊERTU   Muskolu li jinżel mal-koxxa ta’ wara tal-barri jew baqra meta dan jinqatel u jitqatta’ għall-ikel. Biċċa laħam li tinqata’ għat-tisjir min-naħa tal-wirk (il-ġenb warrani) tal-istess annimal. Bħala laħam din mhix l-ifjen parti biex tittiekel, anzi hi kkunsidrata bħala ta’ kwalità inferjuri, għax meta tissajjar din tibqa’ pjuttost xierfa biex tikolha. Minkejja dan, bosta jordnawha bil-ħsieb li jitfgħuha fil-borma ħalli tagħti togħma ’l-brodu, u hekk, xħin iddub bit-togħlija, tittiekel f’biċċiet żgħar. Il-luċertu jista’ jissajjar ukoll f’dixx fil-forn b’ħafna meraq. Mit-Taljan lacerto. Bl-Ingliż salmon cut of silverside jew rump roast.