Żammejna l-wegħda

altLejn tmiem Diċembru u l-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena, BDL kienu ppubblikaw ktieb bl-isem Jinżlulek Għasel, ġabra ta’ aneddoti minn Maltin magħrufa. Ktieb li, nieħdu gost ngħidu, intlaqa’ tajjeb ħafna.

Dawn l-aneddoti kienu nġabru b’paċenzja kbira minn Charles Flores u Tony Barbaro Sant, żewġ ġurnalisti li, kif stqarrew, kienu daħlu għal din il-biċċa xogħol għax dehrilhom li ftit huma dawk il-persuni li xi darba jew ohra tul ħajjithom ma għaddewx minn xi ġrajja ħelwa, imbarazzanti, umoristika, forsi wkoll ta’ diqa.

Iż-żewġ koawturi kienu għamlu kuntatt ma’ għadd ġmielu ta’ persunaġġi Maltin u Għawdxin minn kull qasam tal-ħajja, u talbuhom jikkontribwixxu xi rakkont ċkejken mill-ħajja personali tagħhom.

altBiż-żmien, u bl-għajnuna tal-BDL – ħajr speċjali lid-Direttur Maniġerjali Anthony Gatt u lil Stephen Said – dan il-ktieb tfaċċa fis-swieq, u ntlaqa’ tajjeb, aktarx għar-raġuni li l-persuni li kkontribwew huma ucuħ familjari mal-qarrejja.

Intant, iż-żewġ koawturi, bil-kollaborazzjoni ta’ BDL, kienu wiegħdu li jikkontribwixxu parti mid-dħul mill-ktieb għal żewġ santwarji tal-annimali, Island Dog Sanctuary ta’ Delimara u Thomasina Cat Sanctuary tal-Għammieri.

U fl-aħħar din il-wegħda twettqet. Ftit jiem ilu, Charles Flores, Tony Barbaro Sant u Anthony Gatt żaru ż-żewġ santwarji u ppreżentaw somma flus bħala rikonoxximent għall-ħidma fejjieda ta’ dawn is-santwarji. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li din l-għotja ntlaqgħet tajjeb mill-voluntiera li jmexxu dawn is-santwarji.

Tajjeb ngħidu li l-istess somma li ngħatat mill-koawturi ngħatat ukoll minn BDL, li fi kliem Anthony Gatt, dehrilhom li kellhom jgħinu u jagħtu sehimhom għal din il-ħidma favur l-annimali.

Sadanittant, Charles Flores u Tony Barbaro Sant bħalissa qegħdin jittamaw li f’qasir żmien jibdew jaħdmu fuq it-tieni volum.

Fir-ritratti, il-koawturi u Anthony Gatt jidhru waqt iż-żjajjar li għamlu fis-santwarji rispettivi.

altIr-ringrazzjamenti tagħna lil dawk kollha li xtraw il-ktieb Jinżlulek Għasel, għax minbarra li ħadu gost bil-kontenut, għenu biex gawdew ukoll il-klieb u l-qtates. Ringrazzjament speċjali wkoll lil Moira Delia, attivista favur l-annimali, li bil-programm tagħha Animal Diaries u b’ħidmiet oħra tant tgħin biex toħloq kuxjenza favur l-annimali.