Sejħa għall-artikli għall-perjodiku L-Imnara

L-Imnara hu perjodiku li joħroġ darba fis-sena mill-Għaqda Maltija tal-Folklor. L-artikoli jittrattaw il-folklor lokali u huma riżultat ta’ osservazzjonijiet u riċerka oriġinali. Id-direzzjoni ta’ L-Imnara taħdem biex il-kitbiet ikunu l-aktar bil-Malti, imma jistgħu jkunu wkoll bl-Ingliż.

Dan il-perjodiku hu mfittex ħafna mill-istudenti u minn dawk li tinteressahom il-kultura tagħna, u spiss ikun ikkwotat f’riċerka u tiftix fuq l-istorja u l-folklor ta’ Malta u Għawdex. Fost il-kittieba li kkontribwew bil-kitbiet tagħhom f’dawn l-aħħar snin insibu lil Stanley Fiorini, Godfrey Wettinger, Carmel Cassar, Joseph Muscat, Simon Mercieca, Guido Lanfranco, Lorenzo Zahra u ħafna oħrajn.

Din is-sena, li taħbat il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-Għaqda, bil-kollaborazzjoni ta’ BDL Publishing, L-Imnara qed jiġi mogħti tifsila ġdida u aktar moderna. L-Għaqda u BDL Publishing qed jistiednu lil kull min għamel xi riċerka oriġinali fuq suġġetti marbuta mal-folklor lokali, u li jixtieq li l-kitba tiegħu tidher f’L-Imnara, biex jibgħat il-kitba f’verżjoni elettronika, lil [email protected], biex din tiġi kkunsidrata għall-pubblikazzjoni, mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Awwissu. Kitbiet bil-Malti jingħataw preferenza. Il-kitba ma tridx tkun itwal minn 4,000 kelma u, jekk jista’ jkun, tkun akkumpanjata minn illustrazzjonijiet u ritratti. Ir-referenzi u s-sorsi tal-informazzjoni għandhom ikunu indikati kif meħtieġ.