L-eqdem Vanġelu ta’ San Mark?

Charles B. Spiteri
altBiċċa papiru użata biex issir il-maskra ta’ mummja, jaf fiha l-eqdem kopja ta’ vanġelu.
 
 
Il-materjal reċiklat fih parti mill-Vanġelu ta’ San Mark, li kien miktub fl-ewwel seklu u, skont l-esperti, hu eqdem minn dak misjub, b’madwar mitt sena.
 
Il-kitba, li aktarx tkun pubblikata, ħarġet fid-dawl mill-ġdid permezz ta’ teknika li ntużat u li tippermetti li l-kolla użata għall-infaxxar iddub mingħajr ma tagħmel ebda ħsara lil-linka fuq il-papiru. Madankollu teqred l-artifatt oriġinali.
 
Waqt li l-Faragħuni kien ikollhom forom tad-deheb, kienet ħaġa komuni għall-Eġizzjani fi grad inqas li jindifnu b’maskra tal-papiru, żebgħa u kolla – speċi ta’ papier-mâchè.
 
Peress li l-papiru kien jiswa l-flus, in-nies kienu jerġgħu jagħmlu użu minn dawk il-papiri li jkollhom il-kitba fuqhom.
 
Xjenzjati fil-Kulleġġ Acadia Divinity f’Wolfville, Nova Scotia, neħħew il-kolla biex wettqu s-sejba.
 
Craig Evans, professur tal-Istudji tat-Testment il-Ġdid, qal lil LiveScience: “Qed niksbu dokumenti qodma mill-ewwel, it-tieni u t-tielet seklu, li ntużaw biex jagħmlu l-maskri tal-mummji.” Żied jgħid li s’issa nstabet ukoll kitba  Griega klassika, fosthom poeżiji ta’ Homer, dokumenti bibliċi u karti ta’ negozju li jmorru lura eluf ta’ snin.