Ħolma Kerha

Charmaine Tanti M.A.
Jum fost l-oħrajn kien maltemp mill-qawwi nett. Il-mama` u l-papa` ma marrux għax-xogħol, u lanqas Elise u Luca ma marru l-iskola. It-toroq kienu mifqugħin bl-ilma tax-xita, u l-mezzi tax-xandir kienu wissew lil kulħadd biex jibqa’ ġewwa ħalli jevita l-inċidenti.
 
Il-mama` tefgħet borma brodu ttektek fuq in-nar minn kmieni filgħodu, u t-tfal qattgħu nofs ta’ nhar sħiħ jaraw il-cartoons ta’ Tom and Jerry. Ħasbu li kienu tilfu xi lezzjonijiet importanti dakinhar, iżda sħabhom qalulhom li l-iskola baqgħet magħluqa. Il-papa` ħassu kuntent għax seta’ jgawdi ftit il-familja, u jpatti ta’ kemm-il darba ddawwar fuq ix-xogħol.
 
Filgħaxija, il-mama` ħaslithom u tathom jieklu kmieni. Wara ftit, daħħlithom fis-sodda, u anki hi u l-papa` ma damux ma raqdu. Għall-ħabta ta’ nofsillejl, Luca qam maħsud. Dak il-ħin kien jinstema’ biss il-ħoss qawwi tar-ragħad u d-dawl tal-beraq kien idawwal kullimkien. It-tifel beda jibki u jimxi fid-dlam. Daħal fil-kamra ta’ ħdejh u qabad ma’ xagħar il-mama`. Hija nħasdet hekk kif ratu wieqaf quddiemha. Imbagħad qabditlu wiċċu bil-ħlewwa u staqsietu x’kien ġara. Hu beda jogħrok għajnejh u jnewwaħ kemm jiflaħ. Qalilha li ma riedx jorqod ħdejn Elise għax kienet saret qattusa, u beda jibża’ minnha.
 
Il-mama` malajr indunat li Luca kien qiegħed joħlom ikrah, avolja kienet bi ngħas. Qabditlu idu u ħaditu lura ħdejn oħtu, li kienet fl-isbaħ raqda. Il-mama` ppruvat turih li ma kellux minn xiex jibża’, imma Luca ma riedx jaf u beda jitlobha bil-ħniena biex jorqod maġenbha u maġenb il-papa`.  Hija kellha tikkuntentih għax ma setgħetx tagħmel mod ieħor. 
 
L-għada filgħodu, Elise ħasbet li Luca kien ġralu xi ħaġa meta ma ratux fil-kamra tagħhom. Il-mama` qaltilha bl-istorja kollha ta’ dak il-lejl, u tgħidx kemm daħket bil-qalb. Luca wkoll beda jidħak għax ma setax jifhem x’kienet tfisser dik il-ħolma kerha, li fiha ra lil Elise tinbidel f’qattusa, u bdiet tiġri warajh biex tigirfu. Tgħid kienu impressjonawh il-cartoons ta’ Tom and Jerry