Il-qoxra tal-banana

Charmaine Tanti M.A.
altDonna kienet tħobbha ħafna l-banana għax minbarra li kellha togħma bnina, kienet tagħmlilha tajjeb għal saħħitha. B’hekk ħaditha drawwa taqbad waħda mill-fruttiera u tikolha kull meta jaqbadha l-ġuħ barra l-ħin tal-ikel. 
 
Kellha l-ħabta tieħu dil-frotta magħha fejn it-televixin biex tnaqqarha waqt li tkun qed tara l-programmi favoriti tagħha. Imbagħad meta tkun kilitha kollha, kienet twaddab il-qoxra tagħha mill-bogħod u timmiraha lejn id-dustbin. Dan kienet tagħmlu sforz l-għażż li kellha ħalli ma toqgħodx terġa’ tqum minn postha biex tarmiha.
 
Iżda darba waħda, il-qoxra tal-banana spiċċat fl-art f’nofs il-kċina minħabba li Donna ma rnexxilhiex timmiraha sewwa, bħas-soltu. Minflok ma qamet tiġborha u tarmiha, ħallietha hemm biex jarmiha xi ħadd ieħor li jinduna biha hu u dieħel fil-kċina. 
 
U miskin dak ix-xi ħadd li inzerta kien in-nannu! Il-qoxra tal-banana ma rahiex u għalhekk rifisha u ħadha għal dahru għax kienet tiżloq daqs is-sapun. Kemm għajjat bl-uġigħ hemm fl-art! Ma felaħx jerġa’ jqum waħdu fuq riġlejh. In-nanna u l-mama` għamlu minn kollox biex jgħinuh, imma ma setgħux iqajmuh mill-art. Kellhom isejħu lill-ġirien li, sa fl-aħħar, refgħuh u middewh fuq is-sufan. In-nannu tassew ħassu mdamdam bit-tisbita qawwija li ħa, għalhekk it-tabib qallu biex jistrieħ sew sakemm jgħaddilu u ordnalu jieħu xi pilloli u jidlek l-ingwent.
 
Dakinhar, Donna tgħallmet din il-lezzjoni: It-traskuraġni tista’ toħloq inċidenti gravi. Kienet, tabilħaqq, intebħet li kien kollu t-tort tagħha li weġġa’ n-nannu, għalkemm ma qalet b’xejn lil ħadd billi beżgħet li taqla’ xi għajta. Għalhekk, bdiet toqgħod attenta b’seba’ għajnejn ħalli ma tħallix xi qoxra oħra tal-banana mal-art ma jmurx jerġa’ jaqa’ xi ħadd fiha.