
Madankollu, dan l-aħħar, l-istess sorijiet issemmew fl-Irlanda, wara li l-Gvern tal-pajjiż talab apoloġija lill-10,000 ‘skjavi’ tas-Sorijiet tal-Maddalena, li qafluhom u ibbrutalizzawhom bejn l-1922 u l-1996. Fuq perijodu ta’ 70 sena, hu stmat li madwar 10,000 tifla ntbagħtu fil-laundries tal-Maddalena biex jagħmlu xogħol manwali iebes taħt is-superviżjoni tas-sorijiet Kattoliċi.



Għal 48 sena baqgħet imwerwra mill-memorji tal-passat; ta’ tfulija mitlufa u ta’ xogħol iebes li jwettqu l-iskjavi. Issa qed tistenna apoloġija mill-gvern u l-ordnijiet reliġjużi talli serqulha l-edukazzjoni, isimha, l-identita’ u ħajjitha.
Irrakkuntat li sena wara l-oħra, filgħodu kienet taħdem fil-laundry. Jagħtuha tiekol biss ħobż u tilqit. Aktar tard kienet taħdem is-suf u qabel l-irqad, tagħmel il-kuruni tar-rużarju. Kien xogħol ta’ rutina, tqil u ta’ dwejjaq. Tirrakkonta: “Darba, meta ġew l-ispetturi tal-iskola jagħmlu żjara, ħbewni f’mina, għax naħseb li kont għadni żgħira għax-xogħol fil-laundry.”
Fi tmiem il-ġimgħat kienet imġiegħla taħsel l-art tal-knisja lokali, minflok titħalla tilgħab għal ftit tal-ħin. Issostni li s-sorijiet qerdulha ħajjitha u ma ħallewha qatt tiżviluppa bħala tifla żgħira.
Jum mill-ħajja fil-‘Laundry’
F’intervista li tat fl-2011, Sarah Williams, li qattgħet sentejn taħdem f’laundries differenti tal-Maddalena tat din ix-xhieda tal-biża’, fuq il-ħajja fl-istituzzjonijiet:
- Inqumu fis-6.00am. aħna t-tfajliet, b’veli suwed fuq rasna, nimmarċjaw għal quddiesa fil-kunvent kiesaħ silġ.
- Il-kolazzjon ikun porridge b’ilma kiesaħ silġ u f’xi s-7.00a.m. ningħataw it-te u biċċa ħobż, qabel ma nerġgħu mmorru l-kappella għat-tieni quddiesa.
- Imbagħad immorru fil-laundry biex naħslu, ngħallu, nonxru, ngħaddu u nitwu l-ħwejjeġ. Kien ikollna waqfa waħda għal ftit soppa qabel is-6.00 p.m.
- Għall-ħabta tas-7.30p.m. wara li ninqaflu fiċ-ċelel żgħar tagħna, mgħammra biss f’barmil u sodda tal-ħadid, ningħataw mug ieħor ta’ soppa, li ġeneralment tkun tant kiesħa li konna nsaħħnuha xi ftit fuq il-kanen tas-sħana fil-kmamar tagħna.
- Ir-rikreazzjoni kienet tkun ta’ nofs siegħa wara li nlestu x-xogħol, u stajna nisimgħu r-radju. Ix-xogħol kien isir fi kwiet strett, inkella nkantaw l-innijiet u nirreċtaw ir-rużarju, ħames posti f’ħames posti.
- Offiżi żgħar bħal tinsa tilbes il-kappell istituzzjonali jew tinqabad tidħaq, ikunu kkorreġuti bi swat fuq ir-ras, b’mazz ta’ ċwievet tqal, minn soru rrabjata.
- L-eżerċizzju uniku tagħna kien ikun mixja ta’ nofs siegħa, tnejn tnejn, fil-bitħa. L-awtorita’ tas-sorijiet kienet assoluta, u l-bniet kien ikollna nitolbu permess anki biex immorru sal-kamra tal-banju. Jekk xi tifla toħroġ ‘il barra mil-linja tagħha, kienet tinqafel f’kamritha u għal bosta jiem, titħalla fuq ħobż u ilma biss.
- Nhar ta’ Ħadd ma konniex naħdmu u konna permessi niktbu l-ittri li mbagħad jinqraw mis-sorijiet. Spiss kont nikteb lil ziti, nitkarrbilha tiġi għalija u toħroġni, iżda naħseb li qatt ma rċeviet xi ittra minn tiegħi. Meta mbagħad, xi ħadd kien jirċievi xi ittra, kienet tinqara mis-sorijiet fil-pubbliku.
- Darba fix-xahar kien ikollna viżta, iżda l-viżitaturi tiegħi kienu jkunu n-nisa tal-Leġjun ta’ Marija, li dejjem kienu jgħiduli li qed ningħata kura u attenzjoni tajbin.
Ħabs ta’ dawk li ‘jisparixxu’

