Andar

Martin Morana

Din ir-rokna tinkludi kliem meħud mill-kotba ta’ Martin Morana, Bejn Kliem u Storja, Ara x’Int Tgħid u Biex il-Kliem Ikun Sew. Se nibdew nagħtukom kelma fil-ġimgħa b’tifsira interessanti u aktarx ġdida jew aġġornata.

altANDAR Ġużè Aquilina u Erin Serracino Inglott iqabblu dan mal-qiegħa (bl-Ing. threshing floor). Anton F. Attard, li hu studjuż Għawdxi tal-folklor, jagħmel distinzjoni bejn il-qiegħa u l-andar, għax tal-ewwel hi l-art fejn jindires il-qamħ waqt li l-andar hu l-ambjent tal-madwar, fejn ix-xogħol ikun organizzat. Fuq l-andar ikun hemm il-ħalel (imniezel) taż-żara’ (qamħ u xgħir), it-tiben wara li jindires, il-karfa, il-karrettun u l-għodod tal-qiegħa: il-minġel, il-midra, il-luħ, l-għeriebel eċċ. L-espressjoni ‘għamel andar’ tfisser l-istess bħal meta wieħed jgħid ‘għamel mandra sħiħa’. Il-qiegħa hi dik il-parti tal-andar fejn isir id-dris tal-qamħ proprju. Ħajr: Anton F. Attard.alt