Ralph kien tifel tassew samrani. Minħabba f’hekk, sħabu laqqmuh l-Indjan. Dehrilhom li kien jagħtihom lemħa lill-Indjani. Pero` hu xejn ma ħa gost b’dal-laqam, u kien dejjem jgħidilhom li ma kellux x’jaqsam mal-Indjani la kien Malti bħalhom. Iżda ta’ nebbiexa li kienu, sħabu aktar kienu jgħajtulu Indjan bil-qalb, filwaqt li hu kien iħarsilhom bl-ikrah, u ma jkellimhom xejn. Għalih Donna biss kienet matura fost sħabu kollha. Dejjem sejħitlu b’ismu, u qatt ma ivvintatlu laqmijiet. Għalhekk kien joqgħod magħha fil-brejk.
Meta fil-party tal-Karnival Ralph daħal fil-klassi liebes ta’ kawboj, sħabu ma waqfux imaqdruh, u jiżżuffjettaw bih.
“Għax ma lbistx ta’ Indjan, għid?”, beda Leli.
“Pinġut kien joqgħodlok kieku l-kostum ta’ Indjan”, kompla miegħu Karl.
“Inti qatt rajt film tal-kawbojs? Dawk ma jkunux somor bħalek”, qallu Raymond.
“Vera tixraqlek ta’ kawboj, ħa ngħidlek! Qisek, qisek artist. Ħa ħa ħaj”, issokta Daniel.
Ralph ma weġibhomx, u qagħad rasu baxxuta jisma’ lil kulħadd jgħid tiegħu. Xħin tellgħuhomlu, mar ifittex lil Donna, u qagħad bilqiegħda maġenbha. Kienet semgħethom kollox, u vera kien qed jiddispjaċiha għalih. “Anki llum se jaqbdu miegħu?”, qalet f’qalbha. Indunat li f’għajnejh kellu d-dmugħ, u aktar tħassritu. Fil-pront ħarġet tissue mill-basket, u tathielu biex jimsaħ għajnejh biha. Imbagħad qabdu jitkellmu bħas-soltu.
“Għalfejn qed tibki, Ralph? Għandek kostum sabiħ tant. Taf kemm inti pulit?”
“Kont ferħan bih dalgħodu, imma qagħdu jidħku bija, ja kattivi li huma.”
“Tagħtix kashom. La kellek aptit tilbes ta’ kawboj ħadd ma kellu għalfejn jindaħallek. Mhux kulħadd jilbes li jrid fil-Karnival!”
“Kelli nilbes hekk bilfors, Donna. Il-kostum ta’ kawboj silifuli l-kuġin għax ommi ma kellhiex flus biex tixtrili wieħed billi missieri jinsab marid ħafna, u għandu bżonn il-flus għall-kura.”
“Anki jien kelli nilbes il-kostum tat-tifla tal-ħabiba tan-nanna. Kemm ilu li miet il-papa`, il-mama` qed tibża’ iżjed għall-flus għax m’għandhiex xi paga għolja.”
“Imma vera li l-kawbojs ma jkunux somor? Nidher tad-daħk jaqaw, Donna?”
“Ralph, inti qatt rajt Ċiniża b’għajnejha mhux imġebbdin? Mela anki jien tad-daħk għax liebsa ta’ Ċiniża mingħajr ma nixbah liċ-Ċiniżi! Jien l-aqwa li lbist ta’ xi ħaġa biex nieħu gost ftit illum. Ma jinteressanix x’jgħidu l-oħrajn dwari.”
“Inti żgur li m’intix tad-daħk daqskemm jixraqlek il-kostum.”
“Inti wkoll tixraqlek ta’ kawboj. Kieku biss ma jeżistux kawbojs somor, inti tkun l-ewwel wieħed. U f’dak il-każ inti tkun kawboj oriġinali.”
Ralph qabad jitbissem għax għoġbitu tal-“kawboj oriġinali.” Donna dejjem fehmitu, u kellmitu bħala ħabiba sinċiera. Ħassu xortih tajba ferm li kellu lilha għax kienet ittellagħlu l-moral meta sħabu kienu jaqbdu miegħu. Waqt il-party hu u Donna qagħdu l-ħin kollu fejn xulxin. Tgħidx kemm kielu pizza u qassatat, u żifnu flimkien. Minn dakinhar `il quddiem daħħalha f’rasu biex qatt aktar ma jieħu għal sħabu, u jibda jagħti widen għal dak li tgħidlu Donna. Għalkemm Ralph u Donna kienu ħbieb kbar, kellhom jinfirdu wara xi żmien għax marru fi skejjel differenti. Qatt iżjed ma ltaqgħu, iżda l-memorji sbieħ li kellhom ta’ xulxin baqgħu mnaqqxin f’moħħhom u fir-ritratti li ħaditilhom l-għalliema fil-party tal-Karnival meta libsu ta’ kawboj u Ċiniża.
TMIEM