Qabad ma’ martu bi mħatra ma’ ħabibu għal xarba

Charles B. Spiteri

minn Charles B. Spiteri

Żwieġ fil-Palazz tal-Arċisqof

altVictor Mario Abela, Ħamruniż, qabad ma’ martu Carmen b’imħatra ma’ ħabibu għal flixkun cola. Kien student fil-Kulleġġ De La Salle u l-ħabib tiegħu Guido Camilleri, li darba raha l-Kalkara fejn kienet tgħix, qallu li xtaq ikellimha, iżda kien jistħi. Victor inkoraġġieh jersaq lejha u fl-aħħar għamlu l-imħatra bejniethom li allura jkellimha hu.

Dak iż-żmien Victor, l-uniku wild tal-familja, għax l-erbgħa l-oħra ta’ qablu kienu mietu, kellu xi 17-il sena u kien Form V. Carmen, li kellha xi 16, kienet tattendi l-iskola sekondarja l-Belt. Fil-Kulleġġ kienet id-drawwa li l-istudenti jaqbdu xogħol ta’ Shakespeare u joħorġu play għall-palk. Il-klassi tiegħu kienet se tippreżenta l-Merkant ta’ Venezja, u Victor kellu l-parti ta’ Antonio.

Sadattant sar jaf li ħuha l-kbir Joe (illum Professur tax-xjenza teknika) u ż-żgħir Vanni, (magħruf bħala bużullottist ewlieni), kienu wkoll studenti f’De La Salle. Peress li Victor kien ikun spiss fit-tuck shop ibigħ u jagħti palata lill-brother, meta kien imur Vanni, kien jagħtih il-ħelu mingħajr ma joħodlu flus. Iżda dan il-‘pjaċir’ kien jagħmlu bi ħsieb!

Stedina

altAllura meta ngħata l-erba’ biljetti li kull attur kien jingħata biex jistieden lil min ried, Victor sab l-opportunita’, waqqaf lil Carmen, qalilha li hu ħabib ta’ ħutha, u li japprezza ferm kieku tattendi għar-reċta. Hi weġbitu li l-problema kienet il-mama’ tagħha, iżda hu għeleb din il-problema billi taha żewġ biljetti, biex tieħu lil ommha magħha.

Carmen u ommha attendew u wara l-play kellhom xi drinks fejn seta’ jitkellem kemm magħha kif ukoll ma’ ommha. Aktar tard bdew jiltaqgħu fit-triq u jsellmu lil xulxin.

Darba, Victor, li t-tagħlim tiegħu kien jispiċċa qabel dak ta’ Carmen, mar il-Belt jistennieha tiskola u qagħdu jitkellmu fit-terminus. Maż-żmien bdew jitkellmu regolarment sa ma titlaq il-karrozza għall-Kalkara. Ħbiebu, li bi ftehim miegħu kienu marru jittawlu hux tabilħaqq kien qed ikellimha, kellhom iħallsulu l-cola li rebħilhom.

Fil-frattemp il-kulleġġ kien joħroġ il-gazzetta Il-Kewkba u fiha kien hemm ritratt ta’ Victor mal-kast. Vanni, ħu Carmen, li ġieli ħaditu magħha meta kienet tiltaqa’ ma’ Victor, ħa din il-gazzetta d-dar u qal lil ommu li dak tar-ritratt, kien qed joħroġ ma’ Carmen. L-omm qabdet u marret għand Bro. Robert, id-Direttur, li lissnilha l-kelmiet: ‘‘irringrazzja lil Alla u ixgħel xemgħa lill-Bambin. Dak tifel tajjeb.’’

Jiġu minn xulxin

Wara ftit, Victor ta l-aħbar lil ommu u saru jafu li l-ommijiet kienu jiġu minn xulxin mill-bogħod. Iżda missieru ried ikun jaf min huma l-ġenituri tax-xbejba. Għalhekk Victor inqeda bi Bro Michael Buttigieg, li mar ikellem lil missieru meta hu ma kienx id-dar. U mhux talli missieru ma qallu xejn meta rritorna, talli staqsieh meta se jlaqqgħu ma’ Carmen. Min-naħa ta’ omm Carmen, din qalet lil Victor li kienet lesta ddaħħlu d-dar, ladarba l-ġenituri tiegħu jkunu jafu li qed ikellem lil bintha.

altL-għerusija ta’ Victor u Carmen damet madwar seba’ snin, u dan għall-fatt li hi daħlet il-College tal-għalliema mill-ewwel u hu baqa’ barra minħabba li marad missieru. Xtaq jattendi l-Universita’ biex jaqbad il-professjoni ta’ avukat. Meta ra applikazzjoni għal għalliem, tefagħha, u ngħażel. Għamel żmien jgħallem ukoll lill-persuni neqsin mid-dawl. Wara, mar il-College, intbagħat jgħallem fi skola primarja u aktar tard intbagħat jgħallem fis-sekondarji.

Victor jirrakkonta li meta qabad jaħdem, missieru kien qallu ‘‘il-paga trid tagħtiha lil ommok, għax dawk il-flus m’humiex tiegħek.’’ Jien obdejtu, u kont nagħtiha kollox.

Dar f’Ħal Balzan

Darba waħda staqsieh kemm kien se jdum jaħsibha biex jiżżewweġ u Victor wieġbu li ma kellux flus biex jixtri post, u li la ried joqgħod f’dar il-ġenituri tiegħu u lanqas f’dik tagħha. Missieru qabel miegħu u qallu li kellu l-flus fid-Defence Bonds. Il-Ħadd ta’ wara l-missier reġa’ qabadhielu u staqsieh fejn xtaq imur joqgħod. Victor ħatfu fil-kelma u qallu li l-isbaħ post għalih kien Ħal Balzan, viċin San Anton. Kien hemm xi reklam f’gazzetta u marru jċemplu għalih minn barra, għax dak iż-żmien ma kienx hawn telefons fid-djar.

Raw id-dar, bil-garaxx u għoġbithom, iżda missieru ried li qabel jiftiehmu fuq prezz, jarawha l-għarusa u ommha, biex wara ma jkunx hemm tgergir. Hekk ġara u l-proprjeta’ xtrahielhom missieru għall-prezz ta’ Lm2,500. Dan il-prezz kien 46 sena ilu.

Missier Carmen kien Chief Engineer fuq is-sottomarini fit-Tarzna. Kien raġel kwiet, tant li Victor jirreferi għalih bħala ‘San Ġużepp il-mutu’. Iżda kien kapaċissimu għax il-Commander-in-Chief dejjem jirrikorri lejh f’kull problema. Kien ukoll l-ewwel chargeman u peress li kien iħobb jara lil min jistudja — lil Salvu Debono u lil Nazju Abela, — li kienu jaħdmu t-Tarzna, kien jagħlaqhom f’kamra u jħeġġiġhom ikomplu jistudjaw biex isibu post aħjar. Xogħolhom kien jagħmilhulhom hu.

Victor jgħid li kien jistħi minnu u l-biża’ tiegħu kienet biss meta jilagħbu t-Taljani, għax kien partitarju kbir tagħhom. Darba sa kellhom joħdulu tabib id-dar!

Victor u Carmen damu għarajjes erba’ snin. Fl-għerusija, berkilhom iċ-ċrieket Dun Carmelo Xuereb, li kien kappillan tal-Kalkara u aktar tard Vigarju Ġenerali.

Żwieġ fil-Palazz

Iżżewġu fis-6 ta’ Novembru, 1966 fil-Palazz tal-Arċisqof il-Belt, peress li l-Arċisqof Gonzi kien jiġi z-ziju ta’ missierha. Qaddsilhom hu stess fid-9.00 a.m. Wara marru għall-festin, li dam sat-3.00 p.m. u sar fil-Lukanda Phoenicia, fejn kellhom madwar 600 ruħ mistednin.

altIl-familja ta’ Carmen hi waħda numeruża, u biex Victor ikollu l-mistednin, stieden lil tal-familja u lill-ħbieb li kienu miegħu l-Kulleġġ tal-Għalliema. It-tie; ħallsuh l-għarajjes.

Dari, meta ħaddiema mal-Gvern tkun se tiżżewweġ, kienet obbligata tieqaf mix-xogħol li jkollha, u tingħata somma flus. Carmen kienet se tingħata Lm300 iżda sat-tieġ dawn il-flus kienu għadhom ma ħarġux. Allura marru għand ziju tagħha, issellfu Lm600 u bejn iċ-ċekk tagħha u xi flus li qalgħu fit-tieġ, ħallsu għalih.

Il-qamar il-għasel qattgħuh id-dar, għax ma kellhomx flus. Wara t-tieġ, Victor qal lis-sewwieq biex joħodhom Ħ’Attard. Dak ħaseb li kienu sejrin il-Corinthia, iżda ftit qabel waslu hemm, Victor waqqfu u qallu li kienu waslu.
Għamlu ġimgħa xalata. Filgħodu jieklu għand ommu u filgħaxija għand ommha u f’jumejn minnhom marret għalihom kuġina ta’ Carmen, li żewġha kellu karrozza Anglia, li ħaduhom magħhom għal dawra u kielu barra.

Ra ’l missieru jibki

Meta ġew għat-twelid tat-tarbija tagħhom, Victor xtaq li jkollhom tifla, peress li fil-familja ta’ missieru kien ilu ma jkollhom waħda għal tliet ġenerazzjonijiet. U meta mar iħabbarlu li twelditilhom tifla, ra lil missieru bid-dmugħ f’għajnejh għall-ewwel darba f’ħajtu.

Bint Victor u Carmen twieldet il-Ħadd u l-omm xtaqitu jmur iħabbarha fil-gazzetta. Meta mar sab tfajla li staqsietu x’kien beħsiebhom isemmuha. Peress li kien għadu ma jafx, staqsa lilha x’kien jisimha. Dik qaltlu Rosanne u hu qalilha li se jsemmiha bħalha.

Lura d-dar, Carmen staqsietu wkoll x’se jsemmu lil binthom u hu għarrafha b’dak li ġara ftit qabel u li se jsemmu lit-tarbija Rosanne. Illum, binthom hi miżżewġa lil Stephen Calleja u għandhom żewġt itfal, Luke u Sarah.
Rigward il-valuri Nsara jemmnu li dawn kienu hemm, għadhom hemm u jibqgħu hemm. Il-biċċa xogħol hi kemm qed ikunu pprattikati. U min jipprattikahom irid jagħmel hekk mhux biex jidher iżda għax iħoss minn qalbu li għandu jimxi magħhom.

altMeta jitrattaw id-dixxiplina, jaqblu li saret taqliba enormi tul 50 sena. Dari, il-qofol ta’ kollox kienu: il-kappillan, in-nutar, is-surġent u l-għalliem. Għan-nies, dawn l-individwi kienu qishom il-Kunsill Lokali. Isemmu li fl-istess żmien, meta ssir il-Parents’ Day, minkejja li ħafna ġenituri ma kinux jafu jiktbu, kienu jattendu biex jaraw kif sejrin uliedhom. Illum ftit huma dawk li jagħtu kas uliedhom. Mhux biss, talli dari, studenti li ma joqogħdux sew, kienu jingħataw xi daqqtejn bir-riga. U ebda ġenitur ma kien imur għas-sodisfazzjon, għax kien jemmen fid-dixxiplina, iżda llum, anki jekk iżżiegħel b’xi student, jakkużawk li qed tabbuża minnu.

L-għaks kien deheb

Anki l-għaks tal-antik ħdejn il-lussu ta’ llum, jitqies bħala deheb, għax it-tfal ma kienu jippretendu xejn. Illum tixtrilhom x’tixtrilhom, ukoll b’liri kbar, jifirħu ftit biha u jwarrbuha. Ir-raġuni għal dan kollu hi li l-progress dejjem ġab rigress.

U l-agħar ħaġa bħalissa hi meta ssib ġenituri li jkunu f’qagħda finanzjarja batuta u jridu jikkupjaw lil ħaddieħor, għal dak li jqisu bħala benefiċċju għal uliedhom. Mhux sew li familja tipprova tagħmel aktar milli tiflaħ. Lit-tfal u liż-żgħar irridu ngħallmuhom li l-imħabba ma tissarrafx fi flus.

Victor semma eżempju tipiku ta’ studenti universitarji li għandhom l-isbaħ karrozzi għax strawhielhom il-ġenituri tagħhom, meta għadhom lanqas bdew jaħdmu. Iżda ġenituri hekk qajla jaħsbu fil-ħsara li jagħmlu f’uliedhom ladarba jiġu biex jiżżewġu. Għax żgħażagħ li jkunu draw f’ċerta ħajja lussuża, ma jkunu lesti għal ebda sagrifiċċju. U ż-żwieġ għandu jitfassal fuq is-sagrifiċċji.