Minn Charles B. Spiteri
Kultant l-affarijiet lanqas jitwemmnu! Festa ta’ Santa Marija fil-Mosta, fejn il-ġuvni, ta’ xi 17-il sena jservi bħala barman fil-ħanut li kellhom iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara. Hu u ħabibu kellhom l-ordni li meta t-tfal jixtru xi flixkun luminata, flok jagħtuhom tazza tal-ħġieġ , jagħtuhom qasba (straw). Tidħol xbejba ta’ xi 15-il sena ma’ oħtha ta’ ħames snin, li ma kienet tixrob xejn jekk mhux minn tazza tal-ħġieġ u jordnaw x’jixorbu. Tinqala’ tilwima ċkejkna fejn ix-xbejba tgħid lill-ġuvni: ‘‘X’taħseb? Li jekk inkissru t-tazza m’aħniex kapaċi nħallsuha? ’’
Il-ġuvni kien Joe u x-xbejba kienet Carmen. Joe intlaqat mir-rieda soda ta’ Carmen u l-Ħadd ta’ wara sabu ruħhom flimkien ma’ grupp miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, sejrin vaganza Għawdex. Joe staqsa lil ħabibu Alfred Sammut jekk jafx min kienet u dak wieġbu li jisimha Carmen u tah id-dettalji kollha tagħhom għax kienet toqgħod ħdejhom.
Tilfet ‘cardigan’
Hi, min-naħa tagħha tilfet cardigan u marret tgħid b’hekk lil Joe. Joe, li hu bniedem ċajtier ferm, għadu sal-lum tal-fehma, li t-telfa tal-cardigan setgħet kienet skuża biex taqbad miegħu!
Carmen hi l-kbira fost żewġt ibniet u l-ġenituri tagħha kienu armati bi grocer, waqt li Joe hu t-tieni wild minn tmienja u kienu armati bil-forn. Tkellmu waqt il-vaganza u wara ltaqgħu xi darbtejn. Mhux iżjed. Għax xi ħadd mar kżaha lil omm Carmen – li kienet iżżommilha ferm minħabba d-dixxiplina stretta li kellha – u qaltilha li jekk riedet tkompli toħroġ u tkellem liż-żagħżugħ, dan kellu jkun raġel biżżejjed li jasal jiltaqa’ ma’ missierha.
Carmen tirrakkonta li ma’ ommha ma tantx kienet iġġibha żewġ, iżda missierha kien taz-zokkor, jifhimha ferm u jipprova jikkuntentaha. Għalhekk bagħtet ittra lil Joe, tgħidlu b’dak kollu li xtaqet ommha.
Joe inħasad u ma weġibx mill-ewwel. Kulma bagħat jgħidilha kien, li kien għadu żgħir.
Iltaqgħu xi sena wara, fil-festa ta’ Santa Marija tal-Imġarr u Joe ħass li kellu jgħid b’kollox lil ommu. Semmielha min kienet Carmen, u peress li kienet taf li huma familja mill-aħjar, inkuraġġietu jkompli. Jiftakar li darba, hu u Carmen ftiehmu, li wara li jmorru jaraw film il-Palladium, fil-Mosta, jmur id-dar tagħha biex jiltaqa’ ma’ missierha. Ommha ma emmnithiex meta qaltilha li kellu jmur għandhom, u telgħet torqod bħas-soltu. Iżda aktar tard, meta Carmen irritornat u qaltilha li kien hemm l-għarus, skantat immens u bagħtitha tgħid lil missierha, li bħas-soltu kien qed jitkellem ma’ xi ħbieb f’garaxx. Joe għadu jiftakar li kulma qallu missierha kien ‘‘OK, ibni kif int? Tal-familja jafu?’’ u taptaplu fuq spalltu. Minn dakinhar, u għal tliet snin, damu għarajjes.
Fit-8.00p.m. id-dar
Fix-xitwa kienu jmorru t-talkies kull nhar ta’ Ħadd u fis-sajf imorru sal-baħar. Iżda d-dixxiplina ta’ omm Carmen kienet tali, li kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, kienet tkun trid irritornat id-dar sat-8.00 p.m. U meta ma tmurx it-talkies tar-raħal, kienet tkun trid tieħu lil oħtha ż-żgħira magħha.
Joe jiftakar li fit-triq tagħhom il-Mosta, fejn kienu armati bil-forn, kien missieru u raġel ieħor biss li kellhom vettura. Tagħhom kienet vann, li missieru kien jimlieh bil-ħobż u jmur ibiegħu f’Ħal Lija. Fis-sajf, wara li jbiegħu l-ħobż u jieklu l-ikla ta’ nofsinhar, missieru kien jitla’ jorqod u Joe inaddaf il-vann. Dan biex għal xi l-4.30 p.m. jinġabru t-tfal kollha tat-triq u missieru joħodhom sal-Qawra biex jgħumu. Kienu jdumu hemm sa tard filgħaxija.
Carmen qatt ma marret il-baħar magħhom, minkejja li kienu diġa’ għarajjes. Ommha kienet tg[idilha li qabel ma tiżżewweġ, ma tagħmilx li trid. Lanqas id-dar għand il-ġenituri tal-għarus ma kienet titħalla tmur.
Wara tliet snin g[erusija, kien hemm [abiba ta’ ommu, li g[arrfitu li kien hemm dar f’kantuniera, għall-bejgħ. Kulma kienet tiswa kien Lm800. Joe jgġid li għal dak iż-żmien – 43 sena ilu, Lm800 kienu flus.
Ma’ missieru kellu paga ta’ Lm5 fil-ġimgħa u kien idaħħal xi Lm1.50/ aktar peress li flimkien ma’ zitu kienu jagħmlu x-‘xiwa’ nhar ta’ Ħadd. Dak iż-żmien, in-nies kienu jsajru l-forn barra u l-ħlas kien ivarja bejn erba’ soldi u sitt soldi. Jiġifieri ma tantx kien hawn flus fl-idejn.
Terġa’ l-ġenituri ta’ Carmen kellhom dar mal-ħanut tal-merċa u garaxx ftit ’l hinn. Meta l-għarajjes qatgħuha li jiżżewġu, omm u missier Carmen bnew xi appartamenti fuq il-garaxx u marru joqogħdu f’wieħed minnhom. Id-dar u l-ħanut tawh lil Carmen u Joe. B’hekk, huma sabu d-dar lesta u kulma nefaq Joe kienu xi Lm70 biex xkatla l-ġebla u flok reġa’ bajjad bil-ġir, bajjad bil-water paint.
Il-kamra tas-sodda
Kellu xi jgħid ma’ ommha għal xi jumejn, wara li xtara kamra tas-sodda għall-prezz ta’ Lm200, għax qieset li kienet għolja ferm, għal dawk iż-żminijiet. Iżda mbagħad iż-żmien taffa l-korla u kollox mexa sew.
Iżżewġu kif kienu ppjanaw, il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju tal-1966 – jiġifieri bħall-bieraħ 43 sena ilu – fil-knisja parrokkjali tal-Mosta. Iċ-ċelebrant kien iz-ziju ta’ Joe, Patri Salv Portelli. Dik il-ħabta l-għarus kellu 23 sena u l-għarusa 21.
It-tie; għamluhulhom il-ġenituri ta’ Carmen. Is-sala li krew kienet l-Ark Royal, fil-Mosta stess. Din is-sala kienet ’il fuq minn Casa Arkati, u għalih kellhom numru mdaqqas ta’ mistednin. Sabu fotografu li ġibdilhom xi ritratti fid-dar u fis-sala –ġħax il-fotografi li joħor;u mill-istudjo tagħhom ma kinux għadhom numerużi.Fis-sala kellhom ukoll grupp orkestrali magħmul minn ħames mużiċisti. Kien jismu The Gatt 5, immexxi minn Charles ‘City’ Gatt u l-kantant ma kien ħadd għajr Anġlu Fenech, ħabib tal-familja Camilleri u aktar tard Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Wara t-tieġ, l-għarajjes friski rħewlha għal qamar il-għasel. Alloġġjaw fis-Seabank Hotel, ix-Xemxija. Kellhom iqattgħu tlett iljieli – mill-Ħadd sal-Erbgħa ta’ wara, iżda x-xitan ma ħamilx. Kif Carmen sabet ruħha fit-tibdil tal-arja, din xorbitha, u wara jumejn kellhom jirritornaw id-dar bla ħsieb u jsejħu tabib. Iżda wara, gawdew kemm setgħu.
Ftit xhur wara t-tieġ, Carmen ħarġet tqila bl-ewwel tarbija tagħha Rosita. Imbagħad kellhom lil Joanne, lil Isabelle u lil Stephanie. Illum il-ġurnata Rosita hi miżżewġa lil Mark Muscat u għandhom tlett itfal: Amy, Lara u Janice. Joanne wkoll hi miżżewġa. Ir-raġel tagħha hu Tony Caruana u għandhom tlett itfal oħra: Kelly Ann, Kurt u Krista Jo. L-aħħar żewġt itfal għadhom xebbiet. Għalhekk Joe u Carmen huma nanniet ta’ sitt neputijiet.
Ġibda għall-knisja
Kif irrakkuntali Joe, meta kien ġuvni kien miġbud lejn il-knisja u s-soċjetajiet tagħha. Kien jattendi għall-quddiesa u anki jgħid ir-rużarju mal-familja tiegħu, iżda meta żżewweġ u ħa l-ħanut, ma kienx isib ħin biex jibqa’ fil-ħajja reliġjuża tiegħu. Kien iqum fl-4.30 a.m. kuljum biex jiftaħ il-ħanut tal-merċa u kien ikollu jmur il-Pitkalija biex jixtri l-ħaxix ħalli jbigħu. Qatt ma għalaq in-negozju tiegħu qabel it-8.00 p.m.
Min-naħa tagħha Carmen kellha lil ommha li tesiġi li l-quddiesa, ir-rużarju, u d-duttrina ma jonqsuhom qatt. Meta qatgħet milli tmur id-duttrina, bdiet tattendi ż-żgħażagħ Ħaddiema Nsara.
Meta mistoqsijin jgħidu x’jaħsbu li wassal għad-differenza bejn it-trobbija ta’ dari għal dik ta’ llum, il-koppja Camilleri ma ħaditx wisq żmien biex twieġeb.
Huma jaqblu li fi żmien it-tfulija tagħhom, huma kienu jilagħbu bix-xejn. Joe isostni li l-footballers kollha tal-Mosta Football Club kollha telgħu mill-Oratorju tal-lokal. Illum, biex tifel ċkejken jattendi Nursery, il-ġenituri tiegħu jridu jħallsu. Jemmnu wkoll li fi żmienhom, iż-żgħażagħ kienu lkoll ferħana. Illum, lit-tfal tasal tagħtihom kulma jridu u xorta qishom ma jieħdu gost b’xejn. Carmen issotni li minkejja li llum trabbi l-istess, it-tfal jitilgħu b’mod differenti. Temmen li l-ħajja tbiddlet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja wasslu biex biddlu l-ħajja tat-tfal.
Min-naħa tiegħu Joe isostni li jemmen li li kieku lit-tfal ma nagħtuhomx dak kollu li jridu u nħajmuhom, jafu jitilgħu mod ieħor. Illum, it-tfal ma jafux jgħaddu mingħajr dak kollu li jridu.
Fl-aħħarnett staqsejt lill-koppja Mostija Camilleri, x’tifsira tagħti lill-imħabba. Mingħajr tlaqliq u titubar qaluli li t-triq tal-ħajja miżżewġa tagħhom għallmithom li l-imħabba hi sagrifiċċju, tolleranza, paċenzja kbira, tbatija, ferħ u naturalment l-ulied, li jiffurmaw lill-familja.