Ħajta

Joseph Henry Abela, Qassis

altIlsienna fih ħlewwa fir-reqqa. F’idejn l-imgħallmin joħloq xibka ta’ ħsieb u salott ta’ ġenn. Min jisma’ u min jaqra jitpaxxa u jithenna bil-ġenna ta’ ħsieb.

Nieħdu l-kelma ‘ħajta’.

Għandi ħajta deni.
Bla ħajta f’ilsieni
B’ħajta ma lħaqthiex

Hemm ġibda fil-bniedem li jibda u ma jkomplix, jitħajjar u jieqaf fin-nofs, jiġġennen u mbagħad jibred. Dil biċċa xogħol tagħmel bniedem bandla, ċaqlembuta, qabel ikellmek se tgħid: Isma’ dan se jasal, dan kliemu ċirasa u għemilu xott, dan iwegħdek il-ġenna u jdaħħlek fil-purgatorju? Naf għadd ġmielu ta’ min hu hekk. Imma qabel ngħaġġel, nista naħseb, jekk jien inhiex hekk ?

Għal ħajta nħalli l-ħidma nieqsa, mhix mitmuma, tixxejjer mar-riħ?

Hi n-naqra li timla, li ttemm, li tagħmel sħiħ, jekk tkun fost dawk li tibda tispiċċa taqbel mal-qawl “Kull mibdi, mitmum”. Hawn bosta li joħolqu uġigħ, għax jinqagħtalhom il-ħabel: tkunx wieħed minnhom!