Inċident stramb f’Roswell

Charles B. Spiteri

Charles B. Spiteri

alt

Dan l-aħħar, żewġt irġiel kienu fiċ-ċentru ta’ misteru mħabbel ftit lil hinn minn Roswell, fi New Mexico, wara li aktarx għebu mix-xena ta’ ħabta kerha b’karozza. Huma dehru seba’ sigħat wara f’għalqa tal-ħmir.

Iż-żewġt irġiel, li isimhom inżamm mistur, ammettew mal-pulizija li kienu qed jixorbu meta f’xi s-sagħtejn ta’ filgħodu kienu qegħdin ’il barra mill-belt sinonima mal-aljeni u l-UFOs.

Ħaddiema tal-Emerġenza u oħrajn tat-tifi tan-nar waslu fix-xena tal-ħabta iżda ma sabu lil ħadd fil-karozza. Seba’ sigħat wara, is-sewwieq ċempel 911 u qal lil min wieġbu li ma setax jiftakar fejn kien il-lejl ta’ qabel. Irrakkonta biss li xħin qamu hu u ħabibu sabu ruħhom f’għalqa bil-ħmir.

Roswell fi New Mexico bdiet tikseb fama internazzjonali fit-8 ta’ Lulju 1947, meta l-ġurnali lokali rrappurtaw li uffiċjali governattivi tal-belt kienu qabdu flying saucer. Iżda minn dak iż-żmien kollox waqa’ f’idejn il-militar.

Iżda t-twemmin fl-attività aljena fil-post wassal lill-Air Force biex tibda investigazzjoni wara kraxx li kien sar fl-1995. Huma kkonkludew li l-UFO kien parti minn balloon varat fl-atmosfera mill-gvern, bħala parti minn programm sigriet ta’ sorveljanza fuq l-Unjoni Sovjetika.

Madankollu kienu bosta dawk li rrifjutaw milli jaċċettaw l-ispjegazzjoni u allegaw li sar kumplott biex jaħbu l-eżistenza ta’ ħajja estraterrestrijali.