Għand tat-titotla

altIllum is-Sibt. Ġurnata bla skola. Qajla hemm skop ta ’ħidma attiva. Xogħol tad-dar mill-iskola għandi  ftit li xejn, u diġà jinsab lest. In-nanna qiegħda fuq, quddiem il-magna tal-ħjata, tagħmel punt. Nannuwi l-ħanut ibigħ il-gazzetti, ħelu, sapun u sigaretti. Zijuwi Fred se jitlaq lejn il-Belt, iz-ziju Dward għadu kif mar għal qatra nbid għand Ċikku tat-titotla u ziti taħsel l-art.

M’għandix wisq x’nagħmel u d-dar qed niddejjaq waħdi. Inħossni bla attenzjoni. In-nanna tħeġġiġni naqra ktieb, iżda llum hi vaganza u m’għandix aptit nara kotba. Ħsiebi hu biss li mmur sa ħdejn iz-ziju Dward. It-titotla ta’Ċikku mhix ’il bogħod. Fl-istess triq tagħna, kemm naqsam Triq is-Santissima Trinitàu niġi ħdejn l-ewwel mina mit-tnejn li hemm fi Triq Irjali. In-nanna ma tantx tħallini mmur hemm, għax missieri jirrabja jekk ikun jaf li mort f’ħanut tax-xorb. Min jaf għaliex? Forsi minħabba xi kliem pastaż, li kull tant jingħad minn dawk li jkun hemm? Iżda kull meta ninżel mill-iskola għad-dar maz-zija Connie, dejjem irġiel xjuħ nara, u bosta minnhom narahom jinżlu għall-quddies kull filgħodu kmieni. Mela allura forsi għax il-papà ma jkunx iridni fl-ambjent tax-xorb!

Tiġini idea. Inħajjar lin-nanna tikteb tern bl-għeniebi, għax il-lejla jitla’ l-lottu u dik ġieli tinkaram tilgħab tliet numri. Ma tafx meta tista’tidħaklek ix-xorti. U jien inkompli niċċajta li l-ħolma tal-lejl kienet li sirna sinjuri.

L-idea togħġobha u jien nagħmlilha kundizzjoni li nsib min jaqsamli t-triq u ngħaddi nittawwal liz-ziju Dward. Għax tal-lottu jinsab man-naħa l-oħra tat-triq, ftit ’il fuq mit-titotla. Titbissem u xxengel rasha. Ma tantx tħobb tgħidli le, nannti. Tridni ferħan u ngawdi mill-ftit li nista’, għax taf li minkejja li aħna ħafna aħwa, jien qisni tifel uniku, għax trabbejt magħha.

Zijuwi Dward għadu għand tat-titotla, minsub ma’mejda kwadra b’wiċċ tal-irħam ingastat fiha. It-titotla hi ħanut rettangulari. Faċċata, bank imdaqqas bil-wiċċ qisu mużajk. Warajh, xkafef bix-xorb alkoħoliku bħal dawk li wieħed isib fil-festini tat-tiġijiet iżda l-aktar inbejjed. Fin-nofs tal-ixkafef bieb ċkejken li warajh hemm xi kamra ċkejkna mudlama. Dejjem b’purtiera kemxejn miftuħa.

Lil Ċikku tat-titotla dejjem hemm nafu, iservi lill-klijenti li dejjem jintasbu għandu; min għat-te jew il-kafè, inkella għal xi tazza nbid.

Fir-rokna, fuq ġenb tal-bank, wara speċi ta’vetrina ċkejkna tal-ħġieġb’pasti differenti u platt b’xi ftit pastizzi, jitla’l-fwar minn stanjata bl-ilma jagħli għat-te u l-kafè. Fil-ġnieb tat-titotla żewġbankijiet imwaħħlin mal-ħajt, li hu miksi bl-injam. Imbagħad xi nofs tużżana mwejjed, tlieta kull naħa u fl-ispazju tal-passaġġli jibqa’, banketti doppji tal-injam. Ma nafx għaliex, nistħajjilhom tal-pirati.

Ix-xjuħ jinġabru gruppi madwar l-imwejjed. Min jordna terz inbid u joqgħod jixorbu bil-mod. Min jieħu te u daħal wieħed talab għar-rum. It-te u l-inbid joħroġ f’tazzi normali, iżda t-tazza tar-rum hi ċkejkna wisq u lanqas hi mimlija.

Iz-ziju Dward, li hu l-uniku wieħed li jmur għand tat-titotla, bil-ġlekk, bil-kappell u bil-bastun,  iħobb jintasab f’rokna fejn idendel il-bastun. Meta jitkellem, dejjem irid isemmi l-istima li għandu għall-Ingliżi. Akkanit u jħobbhom, għax jgħid li kien jaħdem magħhom u huma biss nies. Ikun irid jixtrili te jew kafè. Le. Ma nkunx irrid. Taz-zija Connie u tan-nanna żgur ikun aħjar! Iżda meta jistaqsini rridx intiegħem l-inbid, dak iva… it-togħma differenti, għax qawija, għalkemm f’moħħi għandi li minn dawk it-tazzi jixorbu x-xjuħ.

Ma nafx hux għax inkun mort inżuru jien, jew għax jaf li missieri jirrabja jekk ikun jaf li mort hemm, iżda z-ziju Dward ma jdumx ma jixrob l-inbid li jkollu quddiemu u jgħidli biex immorru lejn id-dar. Isellem lil kulħadd u nerħulha għall-forsi minuta mixi li hemm bejn il-ħanut u d-dar. Miegħu ġieli jġib borża bil-pasti. L-aktar li jkunu huma rock cakes,li jkunu miżgħuda bil-passolina u ż-żbib.