Il-Papa se jmexxi għal riforma

Charles B. Spiteri
altIl-Papa għadu kif akkuża lil bosta mill-predeċessuri tiegħu bħala nies narċiżisti, li ħallew lilhom infushom ikunu mfaħħrin mill-ajjutanti tagħhom infushom. 
 
Il-Papa Franġisku, riformatur ewlieni tal-Knisja, wiegħed li se jagħmel ħiltu kollha biex ibiddel il-mentalità tal-Vatikan, u qal li s-Santa Sede kienet wisq iffukata fl-interessi tagħha stess.
 
Waqt li kompla jattakka t-tradizzjonijiet passati tal-Vatikan, li issa jidhru li għamlu żmienhom, f’intervista mal-Editur tal-gazzetta xellugija Taljana La Repubblica, il-Papa qal li l-Qorti Papali kienet il-lebbra tal-Papat. Din l-intervista xxandret fl-istess waqt li l-Papa beda żjara privata ta’ tlett ijiem biex jiltaqa’ ma’ tmien kardinali minn madwar id-dinja biex jgħinuh jirriforma l-amministrazzjoni tal-Vatikan, magħrufa bħala l-Kurja. 
 
Dan għax il-Papa jemmen li l-Kurja preżenti aktar qed tagħti kas tal-interessi temporali, waqt li mhix tagħti kas tal-ħtiġiet veri li tabilħaqq huma meħtieġa madwar id-dinja. Hu wiegħed li se jagħmel dak kollu possibbli biex joħloq il-bidla meħtieġa.
 
Il-Papa Franġisku qal li t-tmien kardinali li għażel, se jinħatru biex jagħtuh il-pariri meħtieġa, u l-għażla tagħhom saret għax m’għandhomx motivi egoisti. Permezz tagħhom il-Papa jrid li l-Knisja jkollha organizzazzjoni li ma tkunx biss vertikali iżda wkoll orizzontali.
 
Rigward it-twemmin tal-fidi personali, il-Papa Franġisku kien rappurtat li qal: “Ma jeżistix Alla Kattoliku… Jien nemmen f’ Ġesù Kristu u fl-inkarnazzjoni tiegħu. Ġesù hu s-sid  u r-ragħaj tiegħi, iżda Alla u l-missier… id-dawl u l-kreatur. Dan hu li nemmen jien.”