minn Charles B. Spiteri
Kien rappurtat li l-ekwipaġġ tal-kabina fuq it-titjiriet tar-Ryanair qed ikunu mitluba jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jieħdu kemm jistgħu flus mingħand il-klijenti tagħhom. Il-kumpanija trid tiftaħar li hi ‘l-linja favorita dinjija’, iżda bl-ispejjeż moħbija tagħha, bil-cabin staff u bit-tattiċi aggressivi fil-bejgħ, Ryanair kaxkret il-frażi ‘no frills’ sal-ibgħat trufijiet.
Investigazzjoni li għadha kif tmexxiet minn The Mail on Sunday kixfet it-tattiċi wżati mil-linja tal-ajru biex tibla’ l-liri u l-ewro mill-passiġġieri tagħha, fosthom:
- Inċentivi lill-ground staff li jindunaw b’bagollaġġ tqil jew hand luggage ikbar milli suppost u li jġiegħlu lill-passiġġieri jħallsu 70.38 ewro.
- Inċentivi għall-ground staff li jbigħu priority boarding passes.
- Jagħtu xorb u rigali lil min jorganizza li stag u hen parties.
- Imexxu sigaretti elettroniċi mimlijin nikotina.
- Jgħallmu tabilfors lill-cabin crew, t-tattiċi kollha ta’ kif għandek tbigħ lil min ma jridx jixtri: element ewlieni li jħalli l-profitti lil Ryanair.
Xi ħaddiema qalu lill-gazzetta li kemm huma kif ukoll kollegi tagħhom kienu mġiegħla jilħqu bejgħ impossibbli mit-trolleys tar-rigali u x-xorb jekk riedu jżidu xi bonus mal-pagi tagħhom.
Il-kumpanija kienet ikkritikata għall-politika tagħha fuq il-qies tal-hand luggage u l-ħlas għoli li titlob biex jittellgħu valiġġi akbar stipulat. Issa nstab ukoll li l-ħaddiema li jinfurzaw dawn ir-regoli ibsin, kienu qed jingħataw bonus. L-investigazzjoni tal-gazzetta saret ftit jiem wara li Ryanair spiċċat taħt l-attakk meta numru ta’ piloti tagħha tkellmu l-verità fuq l-istazzjon televiżiv Channel 4 fuq il-kwalità tas-sigurtà li l-kumpanija toffri fit-titjir. Min-naħa tagħha, Ryanair mhux biss ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru, iżda immedjatament keċċiet mix-xogħol lil wieħed mill-piloti ewlenin tagħha, Captain John Goss, li kkritikaha waqt id-dokumentarju.
Fuq ir-Ryanair, il-hand luggage ma jridx ikun ta’ aktar minn 10 kilo, waqt li bagoll jista’ jkun ibbukkjat għal 15 jew 20 kilo. Meta t-toqol ikun aktar fiż-żewġ każi, l-individwu jintalab iħallas għall-piż żejjed li jkollu. Jirriżulta wkoll li mit-trolleys tax-xorb u rigali, ir-Ryanair tipprova ġġiegħel lil kull passiġġier jonfoq minimu ta’ żewġ ewro f’distanzi qoxra u erba’ ewro fi vjaġġi itwal.