Jingħata ġieħ wara 68 sena

Charles B. Spiteri

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Pilota ta’ bomber li ħa sehem f’film ta’ James Bond ħareġ fid-dieher ir-rabja tiegħu wara li finalment ingħata l-medalja ta’ ġieħ – 68 sena wara li ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija. Wing Commander Ken Wallis, ta’ 97 sena, irriskja ħajtu meta tajjar lill-ajruplan tal-gwerra tiegħu fuq il-Ġermanja għal 28 missjoni matul il-kunflitt. 

    BDL Books - Laqtiet

    L-eroj patrijottiku żagħżugħ u pilota mill-aqwa, tant kien determinat li jiġġieled għal pajjiżu, li fl-aktar siegħa ta’ periklu, sa qarraq f’eżami tal-vista, biex jingaġġa fl-RAF. Ken Wallis, minn Norfolk, kien konvint li hu u ħbiebu kellhom ikunu rikonoxxuti għall-qlubija fenominali wara li ġġieldu fl-Iskwadra 103, ibbażata fl-RAF Elsham Wolds fin-naħa ta’ fuq ta’ Lincolnshire. Meta finalment, Ken Wallis irċieva l-medalja tiegħu bħala Kmandant ta’ Bomber, kulma qal kien: “Ftit tard – imissha ngħatatli ferm qabel. Meta temmejna l-ħidma tagħna, kien hemm 56,000 ruħ li nqatlu fil-Bomber Command, u ħsibna li kellna ningħataw il-medalji. Iżda meta ma ngħatajna xejn, bqajna mbellhin.” 

    Ken ingaġġa fl-RAF qabel ma faqqgħet il-ġwerra fl-1939 u daħal bħala voluntier fis-servizz ta’ riserva. Fil-bidu ma tħalliex isir pilota minħabba li ma tantx kien jara minn għajnu l-leminija, iżda rnexxielu jikseb liċenzja ta’ pilota privat, wara li t-tabib naqas li jiċċekkjalu l-vista. Inkredibbilment, kiseb il-Liċenzja A għat-titjir waħdu u ma’ ħaddieħor f’rekord ta’ 12-il siegħa. Meta daħal fl-RAF, qabel ma faqqgħet il-gwerra, kellu 25 sena.

    Fl-1964, wara li telaq mill-RAF, Ken mar jgħix f’Norfolk, u beda karriera eċċitanti ġdida fl-ajru. Hu kiseb għarfien eċċezzjonali meta fl-1967, ħadem taparsi Sean Connery, fil-film You Only Live Twice. Fl-1996 ingħata l-MBE u bejn l-1968 u l-2002 wettaq 34 rekord dinji għall-ħeffa u sfidi ta’ ċirkwiti u għoli miksuba bl-ajruplani.