Mawra sal-Bandli

Charmaine Tanti M.A.

Għodwa waħda l-mamà u l-papà qamu kmieni iżjed mis-soltu għax riedu jgħaddu jaraw liz-ziju Toni l-isptar, li kien marid sew, qabel jerħulha għax-xogħol. B’hekk libsu f’kemm trodd salib u ħadu l-kolazzjon, iżda Luca u Elise kienu għadhom mitlufin fl-isbaħ raqda u ma kellhomx ħeġġa biex iqumu. Għall-ħabta tas-sebgħa nstemgħet taħbita ħafifa fuq il-bieb ta’ barra li kienet tindika l-wasla tan-nanna Marija, omm il-mamà. Hija dejjem kienet tieħu ħsieb lit-tfal meta l-mamà u l-papà ma jkunux id-dar. altBħas-soltu telgħet it-taraġ inkiss inkiss u baqgħet dieħla fil-kamra tas-sodda li kienet għadha kemxejn mudlama billi l-purtieri kienu magħluqin. Malli ntebħu bil-preżenza tagħha, Luca u Elise malajr tajru n-ngħas u tbissmulha qishom żewġ anġli żgħar. In-nanna għenithom iqumu mis-sodda, ħaslithom u libbsithom pulit għax riedet toħroġhom billi kien bnazzi. Tgħidx kemm kien jixraqlu l-jeans lil Luca, u l-qmis blu bil-kaxex sofor kienet tagħtih id-dehra ta’ raġel żgħir. Elise, li kienet sentejn akbar minn ħuha, kienet qisha sinjorina żgħira b’dik il-libsa ħamra tgħajjat u bis-sandli pariġġ.

Malli niżlu isfel, in-nanna tathom ftit ikel biex jitrejqu, rikkbithom fil-karozza u ħadithom il-bandli. Fit-triq wissiet lil Elise kemm-il darba biex ma titlaqx lil ħuha minn taħt għajnejha, u żżommlu idu l-ħin kollu ma jmurx jaqa’ u jweġġa’. Iżda malli waslu u niżlu mill-karozza, Luca telaq jiġri kemm jiflaħ u għalxejn bdew jgħajtulu oħtu u n-nanna biex jobdi għax ma riedx jaf. Huwa aktar kien moħħu biex joqgħod idur dawra tond fuq is-siġġijiet li jduru, u kultant kien jagħti xi ħarsa nebbiexa lin-nanna Marija li bdiet tirrabja u tinkwieta għalih mhux ftit. Meta sa fl-aħħar it-tifel kien xeba’ jdur fuq is-siġġu, resaq lejn il-bandla, tela’ fuqha u beda jitbandal b’tant qawwa li malajr għeja u ntasab bilqiegħda mal-art. Sakemm in-nanna ħalliet lil Elise titbandal ftit u tiżżerżaq maż-żurżieqa, marret fejn Luca u qaltlu li kienet se tugżah lill-mamà talli kien qagħad imqareb, iżda huwa ma riedx u nfaqa’ jibki. Hija tant infixlet li bdiet tkellmu bil-ħlewwa biex jieqaf mill-biki.

Ix-xemx ma damitx ma bdiet tisħon sew u għalhekk in-nanna u t-tfal ma damux ma reġgħu rikbu fil-karozza u rħewlha għal għand tal-ġelati. Tal-gabbana, raġel qsajjar u ftit ruxxan newwel il-ġelati tal-barmil lit-tfal u granita tal-lumi mdaqqsa lin-nanna li niżlitilha għasel. Fi triqithom lura d-dar Luca marret għajnu bih u Elise tħajret minnu wkoll, u xħin waslu kienu fl-isbaħ nagħsa. In-nanna refgħethom u daħħlithom fis-sodda u tgħidx kemm iggustathom reqdin għax kienu proprja żewġ Bambini sbieħ. Kienet għadha ma niżlitx it-taraġ li ma lemħitx lill-mamà dieħla lura d-dar mix-xogħol. Wara li ħadet belgħa te u kielet żewġ biskuttelli, in-nanna telqet lejn id-dar għax riedet tipprepara l-ikel għal filgħaxija, u l-mamà daħlet tistrieħ ftit maġenb it-tfal għax kienet ħakmitha l-għeja wara ġurnata xogħol. Ma kinitx tara s-siegħa u l-mument li, la jqumu, tagħtihom l-aħbar sabiħa li z-ziju Toni kien, f’daqqa waħda, qaleb għall-aħjar u li malli joħroġ mill-isptar, hi u l-papà kienu se jistednuh għall-ikel id-dar biex jiltaqa’ ftit magħhom u fl-istess ħin iferrħuh ftit wara li qatta’ diversi xhur fis-sodda.