EXILES Hawn min jgħid li l-inħawi tal-Exiles, li hemm Tas-Sliema, qrib fejn hemm Ġnien l-Indipendenza u taħt it-Torri ta’ De Redin, kienu ħadu isimhom mill-fatt li hemm kienu jinżlu regolarment ir-refuġjati Russi li kienu ħarbu mir-Russja waqt ir-rivoluzzjoni li seħħet fis-sena 1917. Oħrajn isostnu li l-bajja ħadet isimha mill-fatt li f’dawk l-inħawi, mill-bidu tas-seklu għoxrin ’il quddiem, kien fetaħ ‘The Exiles Club’, li kien speċi ta’ klabb tal-isports fejn dawk l-impjegati tal-Eastern Telegraph Company (li wara bdiet tissejjaħ Cable and Wireless Ltd), kienu jiltaqgħu biex jissoċjalizzaw. Billi dawn l-impjegati kienu jservu f’Malta għal bosta snin, kien ikun hemm fergħa ta’ dawn il-klabbs f’kull stazzjon ta’ dan is-servizz. L-Eastern Telegraph Company oriġinarjament kellha l-uffiċċju prinċipali tat-telegrafija fil-Belt. Biss, fil-bidu tas-seklu għoxrin dan l-uffiċċju ttieħed lejn il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.
Konsegwentament, l-impjegati ta’ din il-kumpanija, li bosta minnhom kienu Ingliżi, ngħataw post bħala residenza f’Tas-Sliema. Ix-xatt tal-Exiles kien il-post fejn kienu jħobbu jiltaqgħu. Tgħid kienu dawn l-impjegati stess li laqqmu l-klabb ‘Exiles’, ħalli b’mod umoristiku jipparagu naw lilhom infushom bħala eżiljati mill-Belt?