KUS Mikiel Anton Vassalli (1828) jagħti dan il-qawl: ‘La ddendilx kusek f’bieb l-imgħallaq.’ Skont l-ispjega ta’ M.A.V. l-kus kien kontenitur bħal bieqja biex fiha jkun merfugħ iż-żejt. Vassalli jispjega li n-nies tal-kampanja kienu jdendlu l-kus mal-bieb biex jiskansaw li jilħquh in-nemel. M.A.V. jgħid li l-analoġija tal-kus u l-imgħallaq qiegħda hemm biex twissi li mhux ta’ min wieħed idendel il-kus mal-bieb ta’ dawk li jiġu mill-imgħallaq, għax dawn jistgħu jistħajlu li din hi mossa magħmula apposta biex tniggiżhom (il-kus jissimbolizza l-imgħallaq imdendel).
Din l-analoġija, skont M.A.V., isservi biex tgħallem li mossa innoċenti, jekk issir ma’ xi ħadd li mhux suppost, tista’ tkun interpretata b’mod suspettuż. Inħoss li din l-analoġija mhix b’saħħitha u ċara biżżejjed. Nissuspetta li ‘mgħallaq’ hi korruzzjoni ta’ ‘magħlaq’, post magħluq, eż. bħal armarju li fih jitqiegħdu l-affarijiet bżonjużi, u għalhekk jagħmel aktar sens meta wieħed iwiddeb li l-kus ma għandux jiddendel mal-bieb tal-magħlaq, biex ikun evitat li dan il-kus jinkiser f’qasir żmien, billi l-magħlaq jinfetaħ u jingħalaq ta’ spiss. Fi kliem ieħor mhux ta’ min wieħed jissogra f’xi ħaġa li mhix soda jew ma’ xi ħadd li ma tistax tafdah.
