Il-Belt Malta miexi nħaffef, kelli xi xogħol u ġbidt fi triq dejqa biex inserraħ f’ħanut ċkejken tat-tè, biex naqra l-gazzetti u nieħu torta tal-laħam, u sibt kollox maqlugħ u se jsir tibdil, u se jsir ħanut tal-fwieħa. Qsamt qalbi.
Mhux għax se jsir ħanut ġdid, imma għax it-tifkiriet, il-ġrajjiet, il-ħbiberiji mietu u kull darba li ngħaddi nxomm il-fwieħa niftakar fid-diqa tat-telfa.
Aħna nies li niċċaqalqu, niltaqgħu, nitkellmu u l-ħanut tat-tè għandu t-twelid tiegħu, il-ħajja tiegħu. Fih iseħħu l-ġrajjiet , jinfetħu l-qlub u sar ftehim.
Ġewwa l-Belt ta’ Bormla, kien hemm ħanut tat-tè msejjaħ “iż-Żiemel”. Kien jiftaħ min kmieni u jiġbor in-nies ta’ kull razza u ġens, u jaqdhuk mill-qalb u tara nkwatri ta’ żwiemel rebbieħa jew artisti magħrufa.
Tgħaddi, tpoġġi fuq banketta u tieħu tè tajjeb kannella, bil-ħalib u jinżel bil-mod b’xi kisra ħobż tal-franċiż bit-tadam u l-bajda iebsa u l-perżut u mustarda, u tistrieħ u tħossok timtela u tieħu r-ruħ.
Ukoll tkun tistenna l-vapur ta’ Għawdex, qabel tkun tistenna il-Marfa u tidħol fil-ħanut kenni ‘Solemar’, u jilqagħlek ir-riħ u l-kesħa u terġa’ tiġi f’tiegħek.
Ħelwin il-ħwienet tat-tè ċkejknin, żgħar li tidħol fihom biex tinġabar u wara tkompli l-ħajja bit-taħbit u l-ħelu tagħha.
Saħħa ħanut tat-tè li sibtek u ħjejtni u llum ngħaddi u niftakar fil-ħin li qattajt hemm u ħriġt minn hemm raġel ġdid.