Charles B. Spiteri

Raġel minn Florida, qabad u qatel serp Burmiż enormi, u l-uffiċjali tal-ħajja selvaġġa qalu li s-serp hu l-itwal wieħed tar-razza tiegħu li qatt inqabad fl-istat.
Jason Leon qabad is-serp ta’ 128 libbra, li hu twil 18-il pied u tmien pulzieri, waqt li kien qed jivvjaġġa ma’ xi ħbieb tiegħu f’vetturi li jinsaqu fuq kull art.
Leon, student fl-Università Internazzjonali ta’ Florida, li għandu 23 sena, lemaħ xi tliet piedi tas-serp, ħiereġ minn arbuxell. Peress li kellu esperjenza kif jaqbad lil dawn is-sriep, għax darba kien iżomm minnhom bħala annimali domestiċi, ipprova jaqbdu. Iżda s-serp, qabeż fl-azzjoni.
F’ħin qasir, is-serp iddawwar ma’ saqajh it-tnejn u ma’ idu. Kien jaf li kellu jżommu ’l bogħod minn għonqu. Iżda ma beżax. Kien hemm tnejn min-nies oħra u kien ċert li jekk ikun jeħtieġ l-għajnuna, kienu jagħtuhielu.
Leon spiċċa qatel lis-serp b’sikkina, u wara informa lill-uffiċjali tal-ħajja selvaġġa fi Florida fuq is-serp enormi li qabad. Dawn qalu li s-serp maqbud minn Leon kiser ir-rekord preċedenti għall-itwal serp Burmiż, li nqabad fi Florida, u li kien twil 17-il pied u seba’ pulzieri. Huma rringrazzjaw lil Leon talli ħelishom minn serp hekk kbir u talli rrapporta l-qabda tiegħu.
Ir-riċerkaturi jsostnu li dawn is-sriep huma ta’ periklu enormi għall-ekosistema.