Donna tintilef il-Buskett?

Charmaine Tanti M.A.
altDonna bdiet tibża’ waħidha taħt dik is-siġra kbira tal-ħarrub. Sħabha u l-għalliema fejn kienu marru? Imisshom telqu `l hemm u ħallewha waħidha! U xħin iroxx id-dlam x’kienet se tagħmel? Kif kienet se tmur lura d-dar?
 
Dakinhar Donna, kienet ħarġet ma’ tal-klassi. Billi qatt ma kienet marret il-Buskett tassew ħadet gost xħin rat dik il-kampanja kollha quddiemha. Qatt ma kienet sabet ruħha f’post daqshekk trankwill, fejn setgħet tisma’ biss l-għasafar jgħannu u xxomm ir-riħa tfuħ tal-fjuri u s-siġar.
 
Wara li Donna u sħabha ntefgħu bilqiegħda qalb il-ħaxix salvaġġ, ħarġu l-ħobż mill-basket u qagħdu jieklu u jitħaddtu bejniethom. L-għalliema wissiethom kemm-il darba biex ma jiċċaqalqux minn hemm, ma jmorrux jintilfu f’dak il-kobor kollu. Biex iżżommhom kwieti ħarġet il-ktieb tal-istejjer u qabdet taqralhom storja. Donna ma kellhiex aptit tismagħha, għalkemm għamlet tabirruħha li kienet qed togħġobha, ħalli l-għalliema ma tirrabjax magħha.
 
Malli għadda ftit tal-ħin u rat lill-għalliema mitlufa sew fil-qari u lil sħabha kollha jħarsu lejha u jitgħaxxqu bl-istorja, Donna żgiċċat u marret tistaħba taħt siġra ftit ’il bogħod. Għall-ewwel tgħidx kemm bdiet tidħak, għax kienet ħarbitilhom bla ma indunaw. Imma issa kienet ilha mistoħbija hemm aktar minn sagħtejn, u bdiet titħasseb. Ħadd ma kien mar ifittixha jew imqar għajtilha.
 
Kollha beżgħana Donna ħarġet mill-moħba tagħha u ġriet lejn fejn kienet ħalliet lill-oħrajn. Però ma kinux hemm. Ħassitha se tiġġennen. Min kien se jsibha? Infexxet f’bikja kbira, forsi xi ħadd jismagħha u jkollu ħniena minnha. Bdiet tgħajjat ukoll għall-ajjut, imma kien kollu għalxejn. Kien it-tort tagħha li kienet sabet ruħha waħidha l-Buskett. Għalfejn m’obdithiex lill-għalliema? Għalfejn riedet dejjem tivvinta xi praspura ġdida? Issa Alla biss kien jaf meta u kif kien se jirnexxilha toħroġ minn hemm.
 
Il-ħoss qawwi tal-iżveljarin qajjimha b’ħasda kbira. Donna qagħdet bilqiegħda fis-sodda għarqana xraba imma ftit ftit bdiet ġejja f’tagħha. Ma kellhiex għal xiex tinkwieta. Għall-erwieħ! Din kienet biss ħolma stramba. Mhux veru li kienet intilfet il-Buskett.