Il-villeġġjatura tressaqhom għaż-żwieġ

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

Għas-sajf, il-familji Grech u Busuttil kellhom dar kull wieħed maġenb xulxin qrib il-bajja ta’ Birżebbuġa. F’waħda kien joqgħod John iben Vincent u Marija, li fix-xitwa kienu joqogħdu fil-limiti ta’ Ħal Luqa, u fl-oħra Frida, bint George u Ginnie, li bid-dar residenzjali kienu joqogħdu Raħal Ġdid.

Minn tfal ċkejknin kienu jiltaqgħu għat-tliet xhur tas-sajf fil-villeġġjatura rispettiva tal-ġenituri tagħhom, li mhux biss kienu saru ħbieb ta’ xulxin, iżda b’uliedhom imorru wieħed għand l-oħra u viċi versa. Kien minn ewl id-dinja, li l-laqgħat għal tliet xhur sħaħ fis-sena, rawhom jikbru flimkien u jinġibdu lejn xulxin. Dan kien fil-bidu tas-snin ħamsin.

Frida tirrakkonta li meta ommha rat li bintha nisslet ċerta ġibda lejn John, żammitilha, minkejja li issa kellha 19-il sena. Kien żmien l-ubbidjenza u d-dixxiplina, tant li tiftakar li dak iż-żmien lanqas lipstick ma kien permess fuq ix-xebbiet. Allura, lanqas għall-quddies ma kienu jitħallew imorru weħidhom. Dan kollu kien iseħħ għat-tliet xhur sajfin.

Twassil ta’ messaġġi

altFix-xitwa ma kienu jiltaqgħu xejn, iżda qlubhom xorta sabu lill-kupidu li kien iwassal kull messaġġ ta’ mħabba lil xulxin. Dan peress li John kien għadu jattendi l-Kulleġġ San Alwiġi u hemm kien imur ukoll wieħed minn ħut Frida, iżgħar minnha. Kien hu li minn darba għall-oħra kien iwassal l-ittri minn dar għal skola u minn skola għad-dar. Jgħaddu d-disa’ xhur tax-xitwa u l-qlub safjin ta’ John u Frida, jerġgħu jitħeġġu għal xulxin hekk kif iż-żewġ familji jħejju biex jitilgħu fil-villeġġatura. Iżda l-ħruġ weħidhom ma kien permess qatt.

Huma għadhom jiftakru li biex darba marru jaraw filmat, marru magħhom il-ġenituri tiegħu u tagħha. Kienu jieħdu filliera sħiħa, u John kien jidħol l-aħħar wieħed, fid-dlam, biex joqgħod f’xifer ta’ filliera, ħalli meta jasal l-intervall joħroġ l-ewwel wieħed biex jiltaqa’ għal ftit sekondi max-xbejba tiegħu.

Frida għadha tal-fehma li s-sikkatura ta’ dari hi bżonjuża, għax minn kif qed naraw illum, mingħajrha jsaltan id-dnub u l-libertinaġġ, li qed jisfaxxa lil numru kbir ta’ familji.
Mitluba tgħid xi ħaġa fuq kif ħaduha l-ġenituri tagħha meta saru jafu li tixtieq tkellem lil John bis-serjeta’, Frida qalet li għall-ewwel ma tantx ħadu gost, peress li John kien għadu l-iskola, iżda ladarba temm l-istudju tieg[u u kellu mpjieg fis-sod, allura aċċettawh bil-qalb.

Min-naħa tiegħu John jirrakkonta li qabel l-għerusija tagħhom, u minkejja li l-familji kienu jafu lil xulxin, dari xorta waħda kienu jindagaw fuq xulxin, anki biex jaraw l-istat ta’ saħħa u jekk hemmx xi mard. Iżda fil-każ tagħhom, baqgħu għaddejjin bl-għerusija.

Riċeviment kbir

L-għerusija ta’ John u Frida saret fid-dar tal-ġenituri tagħha f’Raħal Ġdid, li kienet waħda enormi, peress li missierha kien neguzjant. Berkilhom iċ-ċrieket Dun Pawl Micallef, li jiġi minn Frida u wara kellhom riċeviment kbir fil-ġnien, li għalih kienu mistednin ħafna familjari, għax ħbieb ma kellhomx. Sa qassmu s-souvenirs u kellhom fotografu għall-okkażjoni li ġibdilhom album sħiħ tar-ritratti li għadhom jgħożżu sa llum.
Ta’ min isemmi wkoll li John u Frida kienu koppja minn tal-bidunett li bdiet tattendi l-laqgħat ta’ Kana. Jiftakru li l-ewwel laqgħa kienet saret f’Palazzo Caraffa. Wara, il-Moviment ta’ Kana beda jorganizza l-laqgħat tiegħu fid-djar tal-membri, f’kull pajjiż, iżda dan ma baqax isir.
Il-koppja Grech qaltli wkoll li xi snin ilu, il-Moviment ta’ Kana tahom tifkira peress li kienu minn tal-ewwel li attendew dawn il-korsijiet.
John u Frida damu għarajjes sentejn. Meta missier l-għarusa ra li kienu mexjin b’serjeta’ u rettezza, xtralhom dar fi Triq Żabbar, Raħal Ġdid, kif wara għamel ma’ kull wild ieħor mill-ħamsa li kellu. F’dik id-dar, il-koppja Grech damet tgħix 25 sena.

Iż-Żwieġ

altIżżewġu fid-19 ta’ Mejju, 1957, fil-parroċċa Kristu Re. Żewwiġhom il-Kappillan, Mons Francesco Xuereb, li kien jaf lill-ġenituri ta’ Frida mindu kienu għadhom tfal. Wara ż-żwieġ kellhom jistenniehom riċeviment mill-aqwa, fil-ballroom tal-Lukanda Phoenicia, il-Furjana.

Fis-sular ta’ fuq tal-Lukanda, intramaw xejn inqas minn 14-il mejda biex fuqhom jitqiegħdu r-rigali. Dari kienet id-drawwa li l-koppja ġġorr ir-rigali li tkun qalgħet fis-sala, biex il-mistednin jarawhom. Allura dan il-ġarr kien jippreżenta biċċa xogħol kbira għall-familja. Kellhom iqabbdu wkoll pulizija biex joqgħod għassa mar-rigali tul il-lejl.
Fost ir-rigali li qalgħu kellhom washing machine, makna tal-ħjata bil-cabinet, senduq, diversi oġġetti tal-fidda kif ukoll frames. Dawn kienu skjerati fis-sala ta’ fuq u jidhru fir-ritratti tal-album tat-tieġ li għadu jġedded il-memorja ta’ John u Frida.

Isfel, fil-ballroom sar ir-riċeviment, li għalih kienu mistednin aktar minn 800 ruħ. Iddoqq kellhom lill-orkestra ta’ Vinny Valente u l-kejk tat-tieġ kien oriġinalissimu. John, li hu dilettant ħafna tad-disinji, kien mar għand id-dulċier Carmelo Borg Bonaci u ordnalu kejk forma tal-knisja li tidher fis-santa ta’ Kana. Dak għamilhulu kif xtaq u kien tabilħaqq għaxqa fuq il-mejda tar-repo’.
Fit-tieġ qassmu wkoll is-santi ta’ Kana bit-tifkira taż-żwieġ tagħhom fuq wara u wkoll is-souvenirs.

Meta wara nofsinhar intemm ir-riċeviment tat-tieġ, John u Frida rħewlha għas-Seabank Hotel u l-familjari kellhom biċċa xogħol iebsa, jittrasportaw ir-rigali kollha fid-dar tagħhom!
Aktar tard filgħaxija, il-koppja miżżewġa friska kellha żjara mill-familjirispettivi u meta telqu, huma qattgħu l-ewwel lejl tagħhom fil-lukanda. L-għada niżlu fid-dar ġdida tagħhom mnejn bdew iħejju għas-safra ta’ qamar il-għasel.

Marru ġimgħa Napli u wara telgħu ġimgħa Ruma, fejn marru l-Vatikan. Ftit qabel xtraw kwadru tal-Qalb ta’ Ġesu’ u l-Qalb ta’ Marija. Kellhom udjenza mal-Papa Piju XII, li mhux talli berkilhom il-kwadru talli tahom ukoll rigal. Il-kwadru għadu mdendel fil-kamra tal-ikel, fid-dar tagħhom t’issa, f’Birżebbuġa.

It-tfal

Wara sena żwieġ kellhom lill-ewwel tarbija tagħhom Marika, illum miżżewġa lil Frank Gauci. Huma għandhom żewġt ibniet, Alison u Bernice. Tliet snin wara twieled Noel, li hu miżżewweġ lil Marthese nee Cassar u għandhom żewġ subien, Ryan u Ian. Wara tliet snin mit-twelid ta’ Noel kellhom lil Josiah li żżewweġ lil Lilian nee Balzan u għandhom erbat itfal Juanita, Andre’, Stefan u Philip. L-aħħar tarbija tifel tal-koppja Grech twieldet tmien snin wara l-aħħar wild u dan kien Bernard, li hu miżżewweġ lil Anne Marie nee Micallef u għandhom żewġt itfal; Maria u Neil. B’hekk, John u Frida huma nanniet ta’ għaxar neputijiet.

F’għeluq il-25 sena żwieġ it-tfal organizzawlhom festin b’sorpriża. Ħaduhom għal quddiesa fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa, fejn qaddsilhom il-ħabib tagħhom Mons Victor Grech. Hemm sabu wkoll lill-familjari, lill-bridesmaids li kellhom, lix-xhieda u liż-żewġt iħbieb li kellhom. Wara ħaduhom f’sala f’Birżebbuġa stess, fejn sabu numru ta’ mistednin oħra jistennewhom.

Kellhom sala armata bi fjuri, waiters iqassmu l-ikel u x-xorb, santi bħalma kellhom fit-tieġ, biex jibqa’ l-istess simbolu taż-żwieġ u souvenirs. Kien qisu tieġ ieħor.
L-istess reġgħu għamlulhom f’għeluq il-50 sena. Krewlhom karrozza bis-sewwieq u wara li ħadu minn moħħ missierhom fejn xtaq li jkollhom il-quddiesa ta’ tifkira, organizzawhielu fil-Kulleġġ San Alwiġi. Il-knisja kienet armata bit-tapit aħmar u qaddsilhom ħabib ieħor – Patri Ugolin Scerri. Jgħinuh kellu lil Dun Vinċenz Deguara u Patri Krispin Tabone. Jiftakru li kellhom quddiesa mill-isbaħ, fejn Patri Ugolin reġa’ berkilhom iċ-ċrieket u talab fuqhom.

Mill-knisja ttieħdu l-Lukanda Suncrest, fejn kellhom ikla familjari. Waqt l-istess festin, uliedhom ippre]entawlhom ċertifikat tal-Papa, imbierek minnu stess u bl-ismijiet ta’ uliedhom fuqu. Kien jum li jibqgħu jiftakruh għal dejjem.

Parir

altMitlubin jgħaddu parir lill-għarajjes żgħażagħ, Frida hi tal-fehma li għandhom ikollhom tħejjija soda, inkella ma jersqux lejn żwieġ. It-tieni; meta jkunu fuq l-artal u jaħilfu mħabbithom lil xulxin għal dejjem, iridu jiftakru li fosthom hemm Alla għal dejjem. Jekk f’kull mument ta’ ħajjithom ma jgorrux lil Alla magħhom, iż-żwieġ ikun impossibbli jirnexxi. Bil-ħila tagħna m’aħna kapaċi nagħmlu xejn. Nimxu biss, bil-ħila ta’ Alla. Barra minn hekk nippruvaw nevitaw dan id-diżastru li għandna bħalissa, fl-ilbies; fit-televiżjoni, li m’hu jagħti ebda tagħlim tajjeb għall-erwieħ tat-tfal.

Min-naħa tiegħu John jgħid li l-miżżewġin għandhom jevitaw lill-ħbieb, għax dawn mhux dejjem ikunu ħbieb. Min se jiżżewweġ għandu jkun jaf li se jwiegħed imħabbtu lis-sieħeb jew sieħba tiegħu għal dejjem, u għalhekk, għal deċiżjoni bħal din bilfors tinħtieġ preparazzjoni qawwija. Jitbiegħdu kemm jista’ jkun mid-dubju, għax id-dubju hu ħabib ix-xitan u kapaċi jħassar familja. Ħafna jistgħu jgħidu li n-nanniet huma antikwati, iżda l-proverbji kienu ta’ tagħlim minn dejjem u jibqgħu għal dejjem.

Finalment, il-koppja Grech tħeġġeġ lill-koppji ta’ llum biex jekk ikollhom xi diżgwid bejniethom, isolvuh qabel ma jidħlu jorqdu, għax jekk iħallu għall-għada, dan jista’ jikber aktar.