Jingħad li l-ewwel sistema tas-servizz tar-radju f’Malta waslet lejn l-1935-37. Kienu jkunu radjijiet kbar, li toqgħod iddawwar bosta buttuni biex taqleb l-istazzjonijiet – meta tkun xortik tajba.
In-nannu Karm għandu radju minn dawn fis-sala. Jinsab f’biċċa għamara sabiħa. Isfel qishom saqajn ta’ mejda skulturata, imbagħad fuqhom kaxxa li tinfetaħ minn quddiem b’bieba “shutter”, li tinħeba fuq ġewwa meta tinfetaħ. Imbagħad fuq din, bħal niċċa kollha skultura u ħġieġ mal-erba’ naħat, li fiha hemm statwa kbira ta’ San Publiju.
Meta n-nannu jiġi biex jixgħel ir-radju ma tantx jieħu gost bija ħdejh, iżda jien nissaħħar narah idawwar buttun u filli tisma’ t-textix, u filli l-kliem bl-Ingliż jew bit-Taljan. Wara ftit, jerġa’ jniżżel ix-“shutter” u jagħlqu biċ-ċavetta, biex ħadd ma jiftħu.
Issa resqin lejn is-snin sittin. Bdew deħlin it-“transistor radio”. Ġuvni jaħdem mal-Gvern, li nafuh bħala Pollacco (aktarx kunjomu) jgħaddi kuljum mill-Blata l-Bajda b’wieħed fuq spalltu jew taħt abtu, u minnu tinstema’ mużika tal-mument. Bosta tfal, xħin jarawh jibdew isejħulu “Pullakku, Pullakku”, u hu jirrabja magħhom.
Maz-zija Connie għandi rabta qawwija. Mhux darba u tnejn li dak li nitlobha, meta tkun tista’, tixtrihuli. Ġieli tixtrili karozzi tal-Corgi, mingħand Ramiro Debono Ross, ħajjat fil-kantuniera bejn Triq il-Kbira San Ġużepp u Triq it-Trinità Mqaddsa; ġieli xi suldati tal-plastik jew xi ktieb Classic mingħand Ġovanna, li għandha ħanut fi Triq Irjali ma’ Triq San Tomaso. Il-Classics, huma dwar personalitajiet li baqgħu jissemmew. L-aktar li jogħġobni hu dak fuq Benvenuto Cellini skultur, pittur mużiċist u ħaddiem id-deheb, li għex fl-1500.
Issa, l-aktar ħaġa tal-moda fostna hi li jkollok transistor radio ċkejken, li joqgħod fil-but. F’temp ta’ ftit żmien, is-suq qed jimtela bihom. Auntie Connie llum wegħditni li jekk nobdi u naqdiha, xi darba tixtrili wieħed.
Dalgħodu s-Sibt, u qomt imħejji biex nagħmel ħafna xogħol. Mort nixtri mingħand tal-laħam u tal-ħaxix. Ġibt il-ħobż mingħand Pierino u ħsilt l-art.
Wara nofsinhar, għal xi s-6.30 p.m. Auntie Connie ħierġa bħas-soltu. Iddum sa xi d-9.00 jew id-9.30p.m.
Fis-sajf, jien, in-nanna Aliceu z-ziju Fred noħorġu s-siġġijiet fuq il-bankina u ġieli narawha ġejja. Illum tidher ferħana.
Daħlet u telgħet tbiddel ħwejjiġha. Issa niżlet b’kaxxa żgħira f’idha u newlithieli. Għandi ġenn biex niftaħha u narax’fiha.
L-għaġeb tal-għoġbijiet jinżel fuqi hekk kif f’dik il-kaxxa nsib transistor radio ċkejken ta’ lewn aħmar sabiħ. Qed turini kif inħaddmu. Xejn speċjali. Żewġ buttuniet, mhux bħal tan-nannu Karm, u qed naqbad l-istazzjonijiet ferm qablu. In-nanna u z-ziju Fred iħarsu skantati.
Intir fuq Auntie Connie u nimlieha bil-bews. Wegħda oħra li wettqitha miegħi.
Issa sar il-ħin għall-irqad. Telgħin fuq, iżda lili n-nagħas tarli. Ir-radju qed jisraqhuli. Hekk kif qed nisma’ lil kulħadd jonħor, niftaħ ir-radju baxx u nisma’ ħafna mill-istazzjonijiet li qed ixandru. L-aktar li hawn stazzjonijiet huma bit-Taljan.
Mas-siegħa u nofs ta’ filgħodu, in-nagħas qed jagħmel bija u r-raqda qed noħodha bir-radju mixgħul!