Ġużeppi tal-bieb

Joseph Henry Abela, Qassis
altTa’ żgħir kont immur is-Seminarju li kien il-Furjana, Malta quddiem l-isptar l-antik. Illum flok is-Seminarju hemm il-Kurja tal-Arċisqof.
 
Ta’ żgħir kont nara kollox eżatt u nistenna kollox jibqa’ l-istess. Filgħodu fil-jiem ta’ l-iskola: Ottubru sa Ġunju, konna ninġabru fuq il-bankina u joħroġ Ġużeppi jiftaħ il-bieb. Qsajjar, xagħru bajda qotna, kliem xejn u għajnejh iżiġġu. Ta’ żgħar li konna, konna nissummaw. DAQSHEKK fit-tul iżda f’moħħok kien jidher ikbar.
 
Dħalt is-Seminarju tal kbar u xorta baqa’ mal-bieb. Mhux mal-bieb tal ġenb tal-iskola iżda mal-bieb ewlieni. Kont noħroġ kemm isellimli. Filgħaxija konna nitkellmu; konna ninġiebu. Kien minn Bormla, jien ukoll. Kien iħobb il-Kunċizzjoni, jien ukoll. Kien jogħxa fuq Bormla, jien ukoll.
 
Jien kelli ħabta noħroġ bla permess mill-bini tas-Seminarju. Ma tantx kont inħabbel moħħi. Darba meta ġejt lura. Kellimni. Qalli, id-Direttur staqsieni: “Dak ta’ Bormla li ħareġ?” u jien (jiġifieri hu) wieġeb “Ma niftakarx!”
 
Dejjem fhimt iżda li hemm kelli prova kemm kien għaqli, ta’ fommu sieket u kbir. Hawn għadd ta’ nies bħal Gużeppi li jaqdu dmirhom bil-għaqal u fil-ħemda u li huma l-kolonni tas-soċjetà Maltija.
 
Insellem lil ĠUŻEPPI u lil nies bħalu għal kemm jagħmlu ġid fejn ikunu.
 
ĠUŻEPPI ħalliena nhar l-14 ta’ Jannar, 1987.
 
GRAZZI ĠUŻEPPI:  bqajt f’qalbi.
 
 
 
 
 
Tagħrif inkiseb bil-qalb tajba ta’ Charles Farrugia, neputih
 
ˣ ĠUŻEPPI CASSAR
 
ˣ fuq jidher iċ-ċertifikat tal-mewt tas-Sur Ġużeppi Cassar: ftakru fih fix-xahar li jmiss