Sejba reliġjuża Lhudija

Charles B. Spiteri
altKtieb rari u antik ferm – li jmur lura għas-Seklu Disgħa, għadu kif instab minn kollettur ta’ artefatti bibliċi rari, u jingħad li hu l-eqdem ktieb tat-talb Lhudi, fid-dinja kollha.
 
Dan il-ktieb ta’ 50 paġna, miksi, instab f’Ġerusalemm, u wara testijiet li sarulu mill-esperti u skulari, intqal li sar għall-ħabta tas-sena 840 tal-Era Kristjana.
 
Il-Kollezzjoni l-Ħadra, li ħabbret is-sejba, tgħid li dan il-ktieb hu eqdem mill-ewwel skrolli tat-Torah, b’madwar 400 sena u jaf ikun ħolqa importanti ferm bejn iż-żmien tal-Iskrolli tal-Baħar Mejjet u l-Ġudaiżmu Medjevali.
 
Il-ktieb, li hu miksi kafellatte ċar għandu pagni ta’ 11-il ċentimetru (erba’ pulzieri) b’għaxar ċentimetri (tliet pulzieri). Hu miktub b’forma ta’ Lhudi arkajk, b’vokali Babilonjani. Minn kif jidher, għadu fid-dehra oriġinali li qatt kellu.
 
Bħala ktieb hu maqsum f’sitt sezzjonijiet li jiddiskutu temi bħat-tmiem tal-umanità u l-ħruġ tal-Lhud mill-Eġittu.
 
L-ewwel taqsima fiha sett ta’ 100 barka Lhudija.
 
Dr. Jerry Pattengale, direttur eżekuttiv tal-Green Scholars Initiative qal li s-sejba hi xhieda storika li tappoġġja l-bażi tal-ħajja reliġjuża Lhudija.