L-għalliema li tħobb tixxabbat

Xabbatriċi BDL Books

F’ritratti drammatiċi, xabbatriċi tidher imħaxkna ma’ blata tar-ramel f’madwar 1,000 pied ’il fuq mill-art.

Ix-xabbatriċi Żvizzera Rachel Schelb ta’ 33 sena, issugrat ħajjitha fir-reġjun ta’ Li Ming, fiċ-Ċina. Għal 25 ġurnata xxabbtet f’madwar 60 rotta, f’għoli u ftuħ fil-blat li jtulu bejn 65 u 100 pied.

Uħud mit-tixbit kien jieħu bejn 30 u 60 minuta. Jekk blata għolja jkollha qasma minn isfel għal fuq, lilha u lil ħbiebha toħdilhom jum sħiħ.

Rachel qalet li kull rotta li ħadu għallmithom metodi ġodda ta’ tixbit, u kull telgħa fil-għoli kienet iġġegħilhom jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom biex jirbħu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

Fl-Iżvizzera, Rachel hi għalliema, iżda dan id-delizzju jħeġġiġha tivvjaġġa, peress li mhux l-għoljiet u l-muntanji kollha huma xorta. F’pajjiżha, l-blat ma fihx wisq xquq u għalhekk mhux tant diffiċli li tixxabbat miegħu. Issostni li aktar ma l-ġlieda tagħha tkun diffiċli, aktar jinżlilha għasel is-suċċess.