Kenn għal min m’għandux u povri suldati u pulizija

Charles B. Spiteri

altFid-dinja moderna nħoss li aktar sirna nagħtu kas tal-annimali milli tan-nies. Nixtrulhom il-ħwejjeġ biex inlibbsuhom; noħduhom xi dawra fil-prams u l-puschairs; inlibbsuhom in-nuċċalijiet tax-xemx… u nispiċċaw narrestaw lil xi sid li jħalli kelb jew qattus maqful f’karozza minħabba s-sħana tax-xemx.

Imbagħad niskanta kif fl-istess waqt inżommu suldati u pulizija għassa bl-uniformi, fis-sirġa tax-xemx — jew agħar — taħt xi kaxxa (gabbana) tal-injam, li tkompli taqlihom għas-sigħat kollha li jagħmlu għassa. Ladarba naqbżu daqstant għad-dritt tal-annimal, għandna naraw li dawn il-gabbani, almenu jkollhom xi sors ta’ arja kundizzjonata (li titħaddem u titħallas minn min ikun irid l-għassa wara daru) biex almenu, dawk li jagħmlu l-għassa ma jħosshomx ħażin waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Issa nagħtu titwila lejn ir-ritratti ma’ din l-istorja. Le, mhumiex kmamar għall-klieb u l-qtates. Huma ‘djar’ għal nies li ma għandhomx dar. U minnhom jinsabu ħafna f’Kalifornja.

altKienet l-inizjattiva ta’ Gregory Kloehn, li jmur idur is-siti fejn jintrema l-iskart, bl-iskop li jkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor. Hu mhux wieħed minn dawk li m’għandux fejn joqgħod. Fil-fatt hu artist minn Oakland u permezz tal-immaġinazzjoni tiegħu, bl-iskart li jsib u biex jiżviluppa s-sengħa li għandu, qed jibni dawn id-‘djar’ żgħar, f’qies ta’ sufan, biex almenu, numru ta’ nies ikollhom ‘saqaf’ fuq rashom!

Minn xi żmien qatagħha li minflok jibqa’ joħloq l-iskultura, li jbigħha lin-nies sinjuri, jgħin lil min hu inqas fortunat. U ħaġa tal-għaġeb, minn kulma jsib jgħodd għalih f’dak li jarmi ħaddieħor, ikun kapaċi joħloq ‘dar’ ċkejkna ferm għal individwu bla kenn.

U mhux biss qed isib l-apprezzament tan-nies li jagħtihom fejn joqogħdu, iżda wkoll mill-midja, li rat u fehmet il-ġest sabiħ tiegħu, għax rigal bħal dan lil min m’għandux ħlief it-triq ta’ barra fejn jorqod, ifisser dinja.

Kull ‘dar’ li għamel Gregory, għandha saqaf imżerżaq, biex ix-xita ma tidħolx ġewwa, u roti biex lil min tingħata d-‘dar’ ikun jista’ jressaqha skont il-ħtieġa.

Ġeneralment, għall-art juża l-pallets tal-injam li jsib mormijin. Imbagħad, il-bibien tal-makni tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatiċi, jużahom bħala twieqi, biex jagħtu d-dawl lid-‘dar’. Gregory jgħid li mindu beda jiffoka fuq id-djar, jaf li kulma joħloq qed jintuża.

altWonder, mara li ma kellhiex dar, qalet li l-kenn ċkejken li bnielha Gregory, kien l-aħjar ‘dar’ li kellha fl-aħħar ħames snin.

Peress li tant daħal fl-ispirtu ta’ dawn id-djar, l-istess Gregory ħareġ ktieb bl-isem Homeless Architecture biex iħajjar lil ħaddieħor jibni ‘djar’ simili. Hu jaf, li jaħdem kemm jaħdem, ma jistax jibni ‘dar’ għal kull bniedem mingħajr waħda, f’Oakland biss, għalkemm mhux beħsiebu jieqaf mill-proġett ta’ għajnuna li beda.

Issa qed jitħajjar ukoll jibda jgħallem lil nies oħra jagħmluhom, għax jaf li hemm numru ta’ individwi li jixtiequ jinvolvu rwieħhom. Jittama biss li jsib xi post fejn jistgħu jiltaqgħu lkoll u jaħdmu flimkien, biex f’temp qasir jibnu aktar ‘djar’ ċkejknin għal min m’għandux fejn jistkenn.