Ħruġ bil-privates

altKarozza ma għandniex. Ħadd ma għandu fit-triq għajr għas-Sur u s-Sinjura Simmler. Huma tnejn min-nies xjuħ li ma għandhomx tfal. Iżda minflok għandhom karozza Hillman Minx  qisha ġdida. Joqogħdu faċċata tad-dar tan-nanna u l-garaxx mal-bankina tagħna. Forsi għax is-Sur Simmler hu qasir, xi nies jafuh bħala ‘s-sold u nofs’.

Meta jiġi biex jipparkjaha, immur niġri nagħmillu l-injam taħt il-bankina. Dejjem jgħidli thank you, iżda lili u lin-nanna qatt ma joħroġna dawra.

Biex noħorġu dawra mhux tas-soltu, mmur għand mara xiħa li toqgħod ħdejn il-garaxx tas-Sur Simmler. Ngħidulha Mrs Steer. Ir-raġel tagħha, li hu xiħ aktar minnha hu Ingliż. Kultant tiġbor numru ta’nies u torganizza ħarġa bil-private. Meta n-nanna tkun taf, tibgħatni naqta’ żewġ biljetti, għalija u għaliha. Biex tidħol fid-dar tagħha trid tinżel tarġa. L-ewwel kamra miżgħuda għamara mudlama. Fuq is-siġġu, bilkemm jitħarrek hemm Mr. Steer, b’kutra fuq saqajh.

Issa, li hi ma baqgħetx torganizza, nibtet mara oħra. Id-Dolly. Din toqgħod fi Sqaq Miggiani. Id-dar tagħha qatt ma rajtha għax tilqagħni fil-bieb. Ġieli meta noħorġu magħha tiġi Marija tal-ħanut u Lolly. Jien u Lolly noqogħdu nilagħbu u nħobbu noqogħdu fuq wara tal-private, ninbxu lis-sewwieqa ta’warajna u nxejrulhom.

Wara kull ħarġa, li ddum xi sagħtejn jew tlieta u ġeneralment tkun sa ħdejn xi xtajta, nerġgħu ninġabru fil-private. Fit-triq lejn id-dar, Dolly  tgħid ir-rużarju. Kulħadd jgħid magħha.

Għada għandna ħarġa speċjali. Ġejjin ukoll iz-zija Connie u z-ziju Dward. Se mmorru Għawdex. Għalhekk il-lum telgħin norqdu aktar kmieni mis-soltu.

altMas-sebħ, f’xi l-ħamsa, diġà lbisna. In-nanna tridni mmur għand Ciscaldi, għax ordnat il-qassatat. Irridu noħduhom magħna għall-ikel. Sakemm immur, iz-zija Connie qed tlesti basket kbir bix-xorb.

L-ikel għan-nannu u z-ziju Fred jinsab lest. Kemm isaħħnuh. Jinsab mgħotti fi platt tal-plastik.

Il-private diġà ġiet. Qed inħaffu biex insibu post ħdejn xulxin. Bilkemm m’għadux id-dlam. It-triq hi twila bosta. Taqtagħli nifsi u ttellagħli l-istonku, l-aktar għax il-karozza mballata bin-nies u bl-affarijiet kollha li se jtellgħu magħhom. Saflaħħar qed nara l-baħar. Iżda jonqos x’naqdfu biex naslu l-Marfa!

Il-vapur jidher. Maġenbu hemm privates oħra b’nies li waslu qabilna. Iżda tiskanta kemm jesa’l-vapur!

Għawdex sabiħ. Se mmorru Ta’ Pinu għall-quddiesa u wara mmorru r-Rabat. Hemmhekk jarma s-Suq. Iz-zija Connie ġġorr il-basket bl-ikel u x-xorb, miegħi. Aktar hi milli jien. Iz-ziju Dward ma jissaportix qalb in-nies. Qalilna li se jaqta’ftit għal rasu u jdur għalih waħdu. Ħalliena nimxu u waqaf ikebbes il-pipa.

Hawn, it-Tokk, qisu l-Monti tal-Belt iżda ferm iżgħar. Hawn ħafna affarijiet x’tixtri. Frott kemm trid u n-nies qed jgħidu li hu orħos. In-nanna dejjem iddur id-drappijiet. U jaħasra, taf kemm għandha qatgħat fil-kxaxen? Iżda tgħid li dak li tixtri llum issibu għada. L-aqwa li jkun jogħġobha u tħallas kemm tkun trid hi.

altTgħaddi kważi siegħa. Dolly qed issejħilna għall-private. Kulħadd qed jirkeb u aħna għadna nistennew. Iz-ziju Dward ma jidhirx. Beda l-garr u kellna nitilquh l-art inkella nibqgħu aħna wkoll. Issa sejrin sax-Xlendi, għax hawn numru ta’ Maltin li jridu jgħumu. Magħhom hawn ukoll jien u z-zija Connie, li tellajna l-malji magħna.

Tul il-jum ma rajniehx iktar liz-ziju Dward, għajr xħin ġejna biex nerġgħu nitilgħu l-vapur. Kien hemm jistenniena. L-għejja fuqi hi tremenda. Kieku ninxteħet fl-art norqod.

Id-dlam beda jraxxax ġmielu. It-triq ma rajthiex, għax waqajt ċomb fil-private.  Qajmuni xħin wasalna ħdejn id-dar.

In-nannu u z-ziju Fred ma kilux l-ikel li kellhom lest, għax bil-fixla z-ziju Fred saħħan kollox fuq il-Valor fil-platt tal-plastik. Issa, lanqas il-Valor ma trid tixgħel.