Ippruvat tgħaddih biż-żmien u spiċċat iżżewġitu

Charles B. Spiteri

Minn Charles B. Spiteri

altAlbert Cockram, li twieled Lixandra u ġie Malta mal-ġenituri tiegħu meta kellu erba’ snin u Connie Bongailas minn Ħaż-Żabbar, ilhom miżżewġin 57 sena f’Mejju. Qatt ma jafu li kellhom xi jgħidu bil-kbir, la fuqhom infushom, la fuq id-dar u lanqas fuq il-finanzi. Dan iżda, għax kif jgħidu huma, dejjem imxew mar-rieda ta’ Alla.

Iltaqgħu b’kumbinazzjoni waqt fiera fl-iskola ta’ Ħaż-Żabbar. Albert kien miftiehem li jmur ma’ ħbiebu ġuvintur, iżda meta ma ra lil ħadd fil-post fejn kellhom jiltaqgħu, telaq waħdu.

Connie, flimkien ma’ ħbiebha xebbiet, kienet hemm ukoll u peress li kienet tħobb tiċċajta, qalet lil ħbiebha li kienet se tgħaddi ż-żmien b’dak il-ġuvni waħdu. Kif għaddew minn quddiemu qaltlu: “Ara l-kuġin!” Albert induna li kienet qed tgħid għalih u waqaf. Kellimha, u minn dak il-ħin inġibed lejha. 

Ħa numru f’lotterija – in-numru 5 – u rebaħ kelb taċ-ċaqquf, li tah lil Connie bħala rigal. Kelb li għadu għandhom sa llum u kontinwament ifakkarhom fl-ewwel laqgħa tagħhom.

Dan kollu ilu 54 sena. Connie kellha 16-il sena u kienet temmet l-iskola u Albert kellu 21 sena u kien jaħdem bħala kok tal-Uffiċjali, man-Navy.

Il-ħajja fl-antik kienet waħda rigoruża, speċjalment fejn jidħlu l-valuri Nsara. Connie tiftakar li l-aħwa kienu jqumu kmieni biex imorru għall-quddiesa tal-5.30a.m. u mhux darba u tnejn li Albert kien ikun Ħaż-Żabbar dak il-ħin stess, biex jiltaqa’ għal ftit minuti mal-maħbuba tiegħu. U maħbuba tassew għax jistqarru li tabilħaqq kienu maħluqin għal xulxin, tant li qatt ma jafu li tlewmu fiż-żmien kollu li ilhom miżżewġin.

Connie tistqarr li l-istess valuri li ħadet hi għaddiethom lit-tliet uliedha u sal-lum, hi u żewġha għadhom imorru jisimgħu quddiesa kuljum.

Jaħsbu f’xulxin

Għar-rigward ta’ Albert, Connie tirrakkonta li hi dejjem kienet tkun ħsiebha fih, sew meta kien man-Navy, kemm meta kien ikun Malta, u hu l-istess. Albert, min-naħa tiegħu dejjem emmen li jekk hu qed jaħdem għall-familja u jistinka kemm jiflaħ, martu kienet tkun qed taħdem ma’ uliedhom u dak kollu li kien meħtieġ għad-dar tagħhom. Tant telgħu f’imħabba safja, li jekk joħorġu, joħorġu flimkien u jekk ikollhom xi ħaġa tal-ikel, jaqsmuha bħal ‘aħwa’. Għadhom jifhmu u jgħinu lil xulxin f’kull ħaġa li jkunu se jagħmlu.

Damu namrati madwar sena, u meta l-ġenituri saru jafu bl-imħabba tagħhom, ma qalu xejn. Omm u missier Connie, mill-ewwel indunaw li Albert kien ġuvni serju u onest u għalhekk bierku mħabbithom. L-istess ġara mill-ġenituri ta’ Albert.

Ma kinux jiltaqgħu ta’ spiss, peress li Albert kien ikun imsiefer, iżda meta kienu jkunu ankrati x-xatt f’Malta u jitħallew jinżlu l-art, kien imur b’ġirja waħda jara lill-maħbuba tiegħu. Il-leave minn fuq il-vapur kien ikun ta’ nofs ta’ nhar kull jumejn!

Madankollu, missier Connie kien bniedem ta’ dixxiplina u la kien jippermetti li Connie ddum barra aktar minn ċertu ħin (8.30pm.) u lanqas kien iħalli lil Albert id-dar meta hu kien ikun xogħol filgħaxija. Għalhekk, kien itaptaplu fuq dahru u jgħidlu li kien ħiereġ. Dan kien ikun sinjal li Albert kellu joħroġ ukoll. Flimkien, kienu jmorru Bormla, fejn missier Connie kien jaħdem fil-generator station, u minn hemm Albert jaqbad il-karrozza tal-linja u jmur lejn Raħal Ġdid.

L-għerusija

L-għerusija tagħhom kienet waħda pjuttost sempliċi iżda normali għaż-żminijiet. Xtraw iċ-ċrieket, tawhom lil xulxin u għamlu xi ħaġa fid-dar stess, bejniethom.

Wara l-għerusija, li damet sena oħra, Albert ingħata xogħol fid-djar privati tal-uffiċjali tan-NATO. Dan ma kienx ikun xogħol permanenti, iżda peress li hu kien kok tal-uffiċjali u bħalu ma kienx hemm bosta, allura seta’ jserraħ rasu li l-ħidma tiegħu kienet aktar żgura.

Meta bdew jaħsbu li jiżżewġu bdew ifittxu fejn imorru joqogħdu. Flus fl-idejn ma tantx kien hawn u l-postijiet għall-kiri kienu ftit ukoll. Iżda rnexxielhom isibu appartament f’Bormla, b’ċens, bi Lm17 (€39.60) fis-sena, li ma kinux ftit.

It-tieġ ta’ Albert u Connie sar fit-18 ta’ Mejju, 1957 fil-Parroċċa Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar. Qaddsilhom il-Kappillan Dun Ġużepp Zarb. Wara, il-miżżewġin friski, flimkien max-xhieda u l-bridesmaids, marru għand Agius tar-ritratti, Raħal Ġdid u ħadu r-ritratti tal-okkażjoni. Bħala riċeviment kien sar fid-dar tal-ġenituri tal-għarusa. Għalih kienu mistednin t-tmien ħutha, familjari u z-zijiet ta’ Albert.

Għal bosta, il-qamar il-għasel kien għadu fil-qamar, iżda sid il-garaxx li mingħandu krew il-karrozzi għat-tieġ, offrielhom li joħodhom dawra sas-Salina.

Wara għaxar xhur kellhom lill-ewwel tifel, Henry, illum miżżewweġ lil Polly u għandhom żewġt itfal, Shaun u Sara. F’għeluq it-tliet snin u tmien xhur marru joqogħdu Raħal Ġdid u kellhom lil Mario, illum miżżewweġ lil Ritlene u għandhom lil Alexia u Francesca. Tmien snin wara kellhom lil Maria Helena, jew kif hi aktar magħrufa Mariella. Din hi miżżewġa lil Winston Muscat u għandhom żewġt itfal, Brandon u Nicole.

B’hekk, Albert u Connie huma nanniet ta’ sitt neputijiet. Albert jirrakkonta li fl-1959 spiċċa min-Navy u beda jaħdem ma’ Fort Sea-Lord, Sir Gordon u Lady Hubbard, f’Villa Degiorgio, San Pawl tat-Tarġa.

Għax-xogħol bir-rota

Albert għadu jiftakar meta minn Bormla kien irid imur għax-xogħol, San Pawl tat-Tarġa permezz tar-rota. Min jaf kemm-il darba ġrew warajh il-klieb, li dari kienu jiżegħdu fit-toroq Maltin. Idum kemm idum — ġieli wkoll sas-siegħa ta’ filgħodu – kien isib lil Connie tistennieh, għax l-imħabba u l-mogħdrija ma kinux jippermettulha tidħol torqod qabel ma jirritorna d-dar.

Tard fl-1959, Albert xtara karrozza antika u kif jistqarr, spiċċa jaħdem għaliha. Hawn ukoll, ix-xogħol ta’ Albert ma kienx wieħed permanenti, iżda billi kien fitt f’xogħlu, kien ikollu rakkomandazzjoni wara oħra minn dawk li kienu jimpjegawh. Ħadem ma’ Ammiralli, kaptani, Commandos, tan-NATO u mal-British High Commission. Kien isajjar fi djar privati l-lunch parties, dinner parties, buffet suppers u cocktail parties. :ieli kellu cocktail parties għal madwar 350 ruħ.

Għal dak li jirrigwardaw valuri Nsara, Connie ssemmi li sa minn meta kienet żgħira kienet tattendi l-quddies kuljum tal-5.30 a.m. ma’ ħutha. Dawn il-valuri għaddiethom lit-tliet uliedha u sal-lum, hi u żewġha għadhom imorru jisimgħu quddiesa kuljum.

Meta jitkellmu fuq il-ħajja taż-żgħażagħ ta’ llum, il-koppja Cockram tgħid li llum m’hawnx rispett. Il-fatt li tara u tisma’ b’xebbiet u ġuvintur li joħorġu mal-ħbieb u ma jirritornawx qabel l-4.00a.m. juri li l-ulied m’għadhomx jimpurtahom mill-ġenituri tagħhom li jkunu qed jistennewhom id-dar. Jemmnu li dan kollu jibda billi minn żgħar, it-tfal imorru mill-iskola għad-dar u ma jsibu la lil ommhom u lanqas lil missierhom, għax dawn ikunu qegħdin xogħol. Allura, aktar ma jikbru, aktar isibu ruħhom liberi, u ladarba jidraw hekk, xejn ma jkun jista’ jwaqqafhom. Madankollu, il-koppja taf b’numru sabiħ ta’ żgħażagħ li għarfu sew l-iskop tal-ħajja u jaħdmu qatigħ b’riżq dak kollu li hu tajjeb u huma ġenerużi wkoll mal-anzjani.

Ħruġ tal-ġenituri

Terġa’ llum jeżistu ġenituri, li filgħaxijiet joħorġu jgawdu flimkien jew għal rashom, u ma jimpurtahom xejn minn uliedhom. B’hekk tinbet ukoll l-arroganza u tfal tali, jaslu jħassru lil dawk li jkollhom trobbija sew.

altAlbert u Connie jkomplu, li fi żmienhom, il-ħruġ kien isir biss meta jkunu jistgħu joħorġu flimkien. Connie, la qatt ħalliet lit-tfal warajha u lanqas ħalliethom ma’ ħaddieħor. Sakemm kibru, lanqas tiġijiet ma kienet tattendi minħabba fihom.

F’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom, binthom Mariella flimkien ma’ ħutha s-subien Henry u Mario, organizzawlhom sorpriża kbira. Bdiet billi stiednu lil Patri Joe Vella, Kappillan tal-Parroċċa tal-Karmnu, tal-Fgura, fejn toqgħod il-koppja Cockram, li qaddsilhom fid-dar. Wara għamlulhom festin hemm ukoll u aktar tard ħaduhom għal weekend break f’lukanda lussuża.

Mitluba jgħidu x’jaħsbu li kien l-ingredjent prinċipali li żammhom magħqudin flimkien għal 52 sena, jemmnu li kien il-fatt li dejjem kienu joqogħdu jisimgħu u jbaxxu rashom għal xulxin. Ma jfittxux id-drittijiet bejniethom imma jaslu jagħdru wieħed lill-oħra. Barra minhekk, japprezzaw lil xulxin f’dak kollu li jwettqu u dejjem kienu qrib Alla. Dan, għax kif jgħidu, il-bniedem tad-demm u l-laħam, hu dgħajjef wisq biex iwettaq il-pjan ta’ Alla, waħdu.

Xewqa li jixtiquha sseħħ jekk kemm-il darba Alla jippermettilhom is-saħħa, hi li jerġgħu jżuru Lourdes.