Il-pitirross ħabib ta’ Donna

Charmaine Tanti M.A.
BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna ma kinitx tħobb il-Milied minħabba r-rigali, il-kartolini, it-tiżjin u l-btajjel biss. Kellha raġuni oħra għalfejn kienet tistenna din il-festa b’tant ħerqa. Kull sena, ftit qabel il-Milied, kienet iżżurha daqsxejn ta’ ħlejqa li tagħtiha ħafna gost.

Ma’ dħul Ottubru kien dejjem jitfaċċa pitirross ċkejken ċkejken u smin fil-bitħa tan-nanniet. Hekk kif kienet tilmħu jdur minn fuq zokk għal ieħor tas-siġra tal-larinġ, Donna kienet timtela bil-ferħ. Dak sidru oranġjo jagħti fl-aħmar tassew kien jaffaxxinaha għax kien ifakkarha fl-istorja li darba rrakkontalha n-nannu dwar id-demm ta’ Kristu msallab li qattar fuqu. Kienet tissammar tħares lejh minn wara l-ħġieġ tal-bieb tal-bitħa, għall-jiem sħaħ, sakemm jgħib wara xi tliet xhur.

Lin-nanna dejjem kienet titlobha tħejji skutella żgħira bl-ilma u oħra bil-frak tal-ħobż ħalli toħroġhom fil-bitħa. Hi hekk kienet tagħmel. Wara ftit, il-pitirross arah jinżel mis-siġra biex inaqqar xi ftit frak tal-ħobż jew jixrob xi ftit ilma frisk mill-iskutelli li n-nanna tkun għadha kemm poġġietlu fejn is-siġra tal-larinġ. Dak il-ħin, Donna kien ikun l-għaxqa tagħha ssejjaħ lin-nanna u turiha b’subagħha l-werrej minn wara l-ħġieġa lill-pitirross fejn dawk l-iskutelli tal-ikel u x-xorb. Darba fettlilha riedet taqbdu fit-trabokk ħalli tkompli tgawdih tul is-sena kollha, iżda n-nanna ma ħallithiex. Bħala ħlejqa t’Alla kellu d-dritt li jibqa’ jgħix fil-libertà, minbarra li kien ukoll għasfur protett mil-liġi. Donna mill-ewwel fehmet li kienet se tkun egoista jekk tipprova taqbad il-pitirross, avolja kienet trabbi n-nervi meta kien jgħosfor għax kien ikollha tistenna ż-żmien sa ma terġa’ tarah.

Sena minnhom, Donna stenniet lill-pitirross bħas-soltu, iżda kien kollu għalxejn. Il-pitirross baqa’ ma ġiex, u Donna tgħidx kemm bkiet għalih. Kienet dratu jiġi kull sena. Min jaf x’kien sar minnu dan il-ħabib ċkejken tagħha, miskin?

Skont ma qalilha n-nannu, il-pitirross wisq probabbli kien miet. Spjegalha li huwa u jdur bosta pajjiżi madwar id-dinja jista’ jkun li ltaqa’ ma’ xi perikli li temmewlu ħajtu bħall-maltemp, ir-riħ, inkella għasafar akbar minnu li attakkawh. Donna sewdet qalbha iżjed xħin semgħet kliem in-nannu, u bdiet timmaġina minn xiex seta’ għadda dak il-povru pitirross.

Donna ma riditx temmen lil għajnejha meta s-sena ta’ wara reġgħet rat pitirross fuq is-siġra tal-larinġ. Wiċċha xegħel, u marret tiġri tgħid lin-nanniet ferħana se ttir. Huma wkoll ħadu pjaċir bih malli lemħuh minn wara l-ħġieġ tal-bieb tal-bitħa. Tgħid kien l-istess pitirross tas-snin ta’ qabel jew ieħor ġdid? Kien x’kien, l-aqwa li dik is-sena, Donna kellha Milied komplut kif xtaqitu hi.