It-torri tal-kartun

Il-lum l-1959. Ġurnata sabiħa tas-Sibt. Miegħi id-dar hawn ħija Mario, ir-raba’ wieħed fost l-aħwa. Ġie hawn biex inaqqas l-istorbju mid-dar tal-mamà u forsi biex jien ma noqgħodx waħdi.

Jumejn ilu qgħadt nilgħab b’kaxxa tal-kartun ftit kbira. Domt ħafna ndawwar biex fl-aħħar għamilt torri tal-kartun il-ġmiel tiegħu għall-età tiegħi ta’ tmien snin. Dan it-torri hu mingħajr saqaf biex inkun nista’ ndaħħal u nċaqlaq lis-suldati tal-lastiku li għandi.

Bil-kolla waħħalt taraġ u permezz ta’ rukkell tal-ħajt, għamilt il-bieba ta’ quddiem titla’ u tinżel qisha rixtellu tat-torrijiet li naraw fil-kotba. Kemm ġieni sabiħ!

Lil ħija qed jogħġbu wkoll. Irid li ma nibqgħux nilagħbu bil-karozzi tal-landa, li bdejna nilagħbu bihom għal xi ftit ħin. Minflok, irid li nilagħbu bis-suldati. Naf għaliex! Biex jilgħabli bit-torri. Minħabba f’hekk li jien irrid nilgħab bil-karozzi. Għax nibża’ li jekk nilagħbu bit-torri, jista’ jkissirhuli.

Bil-kwiet ġbidtu fit-terrazzin. Kulma hemm jiġru barra huma t-tiġieġ. Qfilthom malajr fil-gallinar tagħhom u għalhekk it-terrazzin hu kollu  għalina, biex nilagħbu fih. Fin-nofs għad fadal ftit bċejjeċ tal-ħobż, għaġin mgħolli mqatta’ rqiq, bċejjeċ tal-ħaxix u nofs ġidra, li t-tiġieġ xebgħu jnaqqru minnha.

Permezz ta’ rumnell imdawwar ma’ wara ta’ għonq ħija għal quddiem sidru u biż-żewġt itruf jgħaddu minn taħt spallejh, qed nilgħabu taż-żiemel. Jien il-kuċċier! Madankollu ma għandniex frosta biex żgur ma jweġġa’ ħadd.

Mario jiġri mhux ħażin mad-dawra kollha tat-terrazzin, iżda bħas-soltu malajr jiddejjaq. Uff! Għadu moħħu fit-torri tal-kartun!

Logħba oħra biex indawwarlu l-ħsieb. Noli! Iva. Jaqbel miegħi ukoll u nibdew nilagħbu. Biex ma jsibnix, qed jiġini f’moħħi li nidħol fil-gallinar il-kbir fejn hemm il-fniek. Il-bieb, li l-parti ta’fuq hi bil-gauze wire u l-parti ta’taħt hi tal-injam, mhux imsakkar. Minn toqba żgħira fl-injam qed nara lil Mario jdur u jfittixni fl-irkejjen kollha tat-terrazzin u wara l-affarijiet imdaqqsa li hawn. Issa rani u għamilli l-firroll. Għall-bidu taparsi m’jienix hemm ġew. Hu mhux jagħti kas.

Iżda issa, għalkemm iddejjaqt, ma nistax noħroġ minn fejn ninsab. Insejjaħlu, għalxejn. Inwerżaqlu, għalxejn. Ma jridx jiftaħli. Minn isfel mhu jismagħni ħadd. It-taħbit fuq l-injam kollu għalxejn. Il-fniek qed jitgerrxu u jinxteħtu gozz fuq xulxin. Jien maqful ġewwa u Mario jdur u jiċċaċċra, qisu mhux hu. M’għadux, la jġorr mil-logħob li nilagħbu u lanqas għax jinsab waħdu!

B’sabar kbir, b’biċċa wire  li sibt ma’ guva fil-gallinar ta’ fuq, fejn hemm il-ħamiem qed nipprova niftaħ. Sa fl-aħħar jirnexxili. Mario maħsud mhux ħażin xħin jarani rrabjat. Ma rridx insawtu, iżda rrid inbeżżgħu. Għalhekk naqbad f’idi l-ġidra li hemm fl-art u nixħethielu. Bil-biża’ jersaq minn fejn hu u nolqtu fil-qarquċa ta’ widintu. Tgħidx kemm ħiereġ demm u ma jridx jieqaf. Jibda l-biki ħerqan, għax hu wkoll qed jara d-demm.

Iz-zija Connie u n-nanna Alice qed iduru b’Mario u jirrabjaw miegħi. Id-demm ma jridx jieqaf. Ma nafx x’se naqbad nagħmel għax waranofsinhar għandhom jiġu l-mamà u l-papà. Jekk id-demm jibqa’ ħiereġ żgur li ma jiħdux gost bija u l-papà jirrabja wkoll, jekk ma jsawwatnix.

Mario ma jridx jilgħab miegħi. Għadu jolfoq, bid-demm nieżel minn widintu. Fl-aħħar qed jipprova jkellimni. Irid it-torri tal-kartun. Kontra qalbi, iżda biex nevita xi xebgħa aktar tard, qtajtha li nagħtihulu u filgħaxija jtellgħu miegħu id-dar tal-mamà biex sal-għada jsir biċċiet. Min jaf kieku lgħabna bih aktar qabel kienx jibqa’ għandi, fl-istess sura li kien? Jiġi min jiġi minn ħuti għand in-nanna, żgur li ma nerġax nivvinta li nilgħab noli. U jekk ikunu jridu nilagħbu din il-logħba, żgur li ma nistaħbiex mill-ġdid fil-gallinar tal-fniek!