Yvonne Fenech, tfajla tampari li toqgħod faċċata tagħna iżda qatt ma tilgħab ma’ tfal oħra, għadha kif qalgħet tricycle sabiħa ferm. Toqgħod iddur biha fuq il-bankina tagħhom li hi aktar wiesgħa minn tagħna.
Liz-ziju Willie dejjem ngħidlu biex jagħmilli waħda, għax jgħid li mhix diffiċli. Ilbieraħ qbadt miegħu, tant li dejjaqtu. Peress li l-mama’ ta’ Yvonne ġieli toqgħod tkellem lin-nanna u liz-zijiet, iz-ziju Willie talabha tisilfu t-tricycle tat-tifla biex jieħu l-mudell minn fuqha u jagħmilli waħda.
Illum waranofsinhar għandu jmur għaliha. Xħin ġie mix-xogħol erġajt semmejthielu. Kiel u flimkien sejrin għaliha. B’xorti ħażina hemm Yvonne. Naħseb li qed tinduna għal xiex morna u lili qed tħarisli bl-ikreh meta jien qed nitbissmilha.
Is-Sinjura Mer, il-mamà tagħha tidher ġejja timbotta t-tricycle mill-kamra ta’ ġewwa. Yvonne ma tridx li noħduhielha. Tipprova tiġġieled u z-ziju Willie jgħidilha li dalwaqt nagħtuhielha lura. Ma’ dan il-kliem infaqgħet tibki u s-Sinjura Mer kellha taqfilha f’kamra biex nistgħu nieħdu r-rota sad-dar.
Qed infittex karta u lapes. Iz-ziju Willie għandu rutella li qed jieħu l-qisien biha. Fuq il-karta jpinġi l-mudell u jniżżel id-daqsijiet. F’inqas minn kwarta lesta kulma kellu bżonn. Erġajna qsamna t-triq bit-tricycle. Yvonne għadha qed tibki. Tinstema’ minn barra. Miskina. Tort tiegħi. Iżda għaliex għandu jkollha tricycle hi biss?
Xħin iz-ziju Willie ċempel il-qanpiena, ġiet tiġri u l-biki waqaf. Irringrazzjajnieha u morna d-dar. Minn għada t-tricycle se tibda tinħadem. Hekk qed iwegħidni z-ziju Willie.
F’inqas minn ġimgħa għandi t-tricycle jien ukoll. Li steering miżbugħ bil-porporina lewn il-fidda u hi ħamra tgħajjat. Sal-brejkijiet għandi. Kemm jaf jaħdem iz-ziju Willie. Kemm hu bravu! Kulma jara jaf jagħmlu.
Għandi ġenn biex immur dawra biha, l-aktar issa fl-għaxijiet sajfin. Iżda n-nanna ma tridnix noħroġha barra, l-aktar għax ma tridx li jarawha t-tfal li nilgħab magħhom. Mhux biex ma jsuquhiex, iżda biex ma jwebblux lill-ġenituri tagħhom, għax mhux kulħadd jaf kif jagħmilha u z-ziju Willie mhux se joqgħod jagħmel waħda lil kulħadd.
Iz-ziju Fred iwegħidni li jekk immur tajjeb fit-tagħlim tal-iskola joħroġni ftit hu fit-tard. Għalhekk l-iskola qed noqgħod attent aktar mis-soltu. Kif nasal id-dar, l-ewwel ħaġa li nagħmel wara l-ikel hu li nlesti l-homework. Imbagħad nobdi lin-nanna billi mmur nixtrilha l-ħobż. Nitla’ maz-zija Connie s’għand il-mamà u l-papà u seba’ mitt sena biex nerġa’ lura d-dar. Madankollu ma nafx meta z-ziju Fred se jkollu l-aptit li wara l-ikel joħodni għal din id-dawra li semmieli.
Fl-aħħar il-ġurnata waslet. Wara li lestejt l-itinerarju kollu tal-jum, in-nanna qed tistaqsini l-multiplikazzjoni. Nafhom bl-amment. L-aktar tqila hi tad-disgħa. Fl-aħħar sibtilha tarfha wkoll. L-ewwel wieħed disgħa waħdu (9). Tat-tieni, n-numru wieħed quddiem u ta’ warajh wieħed inqas mid-disgħa (18). Tat-tielet, in-numru tnejn quddiem u numru inqas mit-tmienja wara (27). U tibqa’ sejjer hekk, iżżid wieħed minn ta’ quddiem u tnaqqas wieħed minn ta’ wara sad-disa’ multiplikazzjoni.
Ole’. Tajjeb wisq. Iz-ziju Fred joħroġli t-tricycle barra, naqsmu mal-faċċata l-oħra għax il-bankina usa’ u nerħulha bil-mod il-mod sal-flyover tal-Bombi. Qabel nixegħilha l-bozza bil-batterija li z-ziju Willie għamilli fin-nofs, fuq quddiem. Iz-ziju Fred iħallini nġerri ftit basta n-naħa ta’ ġewwa tal-bankina. Jien lanqas ma rrid niġri wisq biha għax għadha ġdida. Bilqiegħda fuqha, qisni qed insuq xi ħaġa kbira.
Imsieken ħuti, dal-ħin naħseb li reqdin. Min jaf kieku qegħdin miegħi! Kieku nħallihom jirkbu wara, basta s-sewwieq inkun jien! Mhux għalija għamilha z-ziju Willie?