Jum l-Omm

Charmaine Tanti M.A.
Meta qorob Jum l-Omm, il-papa` beda jiftiehem ma’ Luca u Elise fejn se jieħdu lill-mama`. Elise xtaqet tagħtiha rigal sabiħ, iżda l-ħruġ riedet tħallih f’idejn il-papa`. Luca kien bil-kontra għax lanqas laħaq fetaħ ħalqu l-papa`, li ma bediex jgħajjat li ried jieħu lill-mama` r-ristorant. Il-papa` xengel rasu, imma ħaseb li aħjar ma jgħidlux le għax idendel il-geddum.
Dakinhar ta’ Jum l-Omm, il-papa` qal lill-mama` biex ma tlesti xejn għall-ikel għax kienu ħerġin. Hija tefgħet fuqha t-tibdila tal-Ħadd, flimkien ma’ par imsielet kbar u kullana pariġġ. Xagħarha ħallietu mniżżel u rranġatu bil-gel. Meta l-papa` raha mbiddla daqshekk, ħassu tassew kburi biha daqslikieku kien ħiereġ magħha għall-ewwel darba. Luca u Elise wkoll ferħu ħafna bid-dehra eleganti tal-mama` u tawha bewsa fuq ħaddejha.
Kif poġġew fuq il-mejda tar-ristorant, il-mama` sabet warda ħamra mgeżwra f’karta bajda u pulita, u refgħetha fil-basket biex toħodha magħha d-dar. Il-papa` ordna flixkun inbid ta’ barra u ħa gost iċekċek it-tazza tiegħu ma’ tal-mama`. Elise u Luca kienu moħħhom biss f’żaqqhom u telqu jiġru għal fuq l-istands tal-ikel hekk kif beda l-buffet. Luca beda jimla kull platt daqsiex bl-għaġin, laħam u ħut. Il-mama` wissietu biex ma jtaqqalx il-platti wisq, u kellha raġun għax wara ftit waqqa’ kollox fl-art. Kif rat dik l-istraġi, qabdet tgħajjat miegħu, u nkisret xħin kulħadd beda jħares lejhom. Imbagħad ħaditu lura fuq il-mejda, u qaltlu biex iġib ruħu sew quddiem in-nies. Iżda Luca ma kellux kwiet, u beda jteftef fil-pakkett żgħir tal-butir li kien hemm maġenb il-qoffa tal-ħobż.
Qabad is-sikkina mill-ġenb, ċappasha bil-butir, u mar biha ħdejn il-mama`,  li kienet medhija tiekol. Kieku l-papa` ma kienx pront tajjarhielu minn idu, kien idellkilha xagħarha bil-butir. Luca nfaqa’ jibki u lill-mama` telgħulha n-nervi. Talbet lill-papa` biex imorru lura d-dar, iżda hu ma kellimha xejn. Elise marret ħdejn ħuha u aljenatu bil-logħob. Ma damx ma waqaf mill-biki u kulħadd kompla jiekol bil-kwiet.
Fi tmiem l-ikla, il-papa` u t-tfal taw ir-rigal ta’ Jum l-Omm lill-mama`. Ma setgħetx temmen lil għajnejha meta mill-kaxxa mkebba ħarġet ċurkett tad-djamanti, li tant kienet ilha tixtieq. Tgħidx kemm ħadet gost xħin libsitu f’subgħaha, u għannqet magħha lill-papa` u lit-tfal, it-tliet ġojjelli tagħha.