Il-biża’ mill-ħallelin

Charmaine Tanti M.A.
altIz-zija Becky kienet titwerwer bil-bosta mill-ħallelin. Kellha għalxiex tibża’ għax in-naħa tagħha sikwit kienu jisirqu minn xi dar jew ħanut. Mistagħġbin kemm kien hemm ħallelin tal-prima klassi! Ma setgħu jinqabdu b’xejn. Iz-zija kienet tiftaħ par widnejn daqsiex kull darba li tisma’ b’xi serqa ġdida fil-ħanut tal-merċa. Matul il-jum kienet tedha fil-faċendi, iżda hekk kif jibda jroxx id-dlam kienet titlaq kollox minn idejha biex tfittex issakkar il-bieb ta’ barra, u tpoġġi l-istanga warajh. Wara kienet ddur kull tieqa ħalli tagħlaqha sew ma jmurx jidħlilha xi ħadd billejl.
 
Xħin jasal imbagħad ħin l-irqad, iz-zija kienet issakkar il-bieb tal-kamra tagħha, u tressaq il-gwardarobba warajh bi tbatija liema bħalha. Kienet tieħu battikata kull filgħaxija sakemm tbattalha mill-ħwejjeġ kollha biex ittaffi mit-toqol tagħha ħalli tkun tista’ tkaxkarha sa wara l-bieb. Li kieku ma kinitx tagħmel hekk, żgur li ma kinitx tagħlaq għajn m’għajn. Għall-inqas b’dal-mod setgħet isserraħ xi ftit moħħha li ħadd ma kien se jitfa’ l-bieb ġewwa kif ġieb u laħaq, u jagħtiha xi qatgħa fatali.
 
Darba waħda, ħuha Toni mar iżurha flimkien ma’ martu Rita u ċ-ċkejkna tagħhom Donna. Waqt li kienu lkoll madwar il-mejda tal-ikel jixorbu t-te, u jnaqqru biskuttin, id-diskors waqa’ fuq is-serq. Iz-zija wriethom kemm kienet imħassba u inkwetata minħabba dawk l-imberkin ħallelin, u li kienet qiegħda tistenna li xi darba għad jisimgħu li serquha. 
Ma naqsitx ukoll li ssemmilhom il-biċċa tal-gwardarobba, u Toni għal naqra ma nfaqax jidħak f’wiċċha għax beda jġibha quddiem għajnejh qiegħda titqanżaħ b’dik il-gwardarobba antika ta’ nannithom Żarena li kienet akbar minnha darbtejn. Meta ratha daqshekk imbeżżgħa, Rita, kollha mistħija, skużat ruħha magħha li ma kellhomx fejn iżommuha magħhom imqar għal erbat ijiem sa ma jikkalma s-serq, u Toni għamel bħalha. Iz-zija weġbithom li kienet lesta tmur tinġabar mas-sorijiet jekk ikun hemm bżonn basta ma tkomplix thewden fuq is-serq. Toni u Rita ma merewhiex.
 
Xi ġranet wara, Rita waslet lura d-dar mix-xogħol, u baqgħet tielgħa fuq bħal dejjem biex tagħti bewsa lil Donna qabel ma torqod. Dakinhar il-bieb tal-kamra tagħha inzerta kien magħluq. Kif fetħitu, Rita kienet għoddha waqgħet fis-siġġu u fiż-żewġ soft toys forma ta’ kelb u ljunfant li sabet wara l-bieb. Donna talbitha biex tħallihom fejn kienu, ma jmurx jitfaċċa xi ħalliel billejl u jidħol ħdejha. Quddiemha kellha wkoll siġġu ieħor bit-teddybear bilqiegħda fuqu għassa għall-ħallelin. Rita bdiet titbissem għax dlonk intebħet li Donna kienet tħajret tagħmel bħaz-zija Becky billi kliemha kien impressjonaha. Imbagħad resqet maġenbha fejn is-sodda, u bil-ħlewwa kollha qaltilha li ma kellhiex minn xiex titwerwer la darba hi u l-papà kienu magħha d-dar. Wara, neħħiet is-siġġijiet u s-soft toys min-nofs, tatha bewsa kbira fuq ħaddejha, u tfitilha biex torqod. Donna raqdet mill-ewwel għax sewwa kienet qaltilha l-mamà li żgur li ma kien se jiġrilha xejn. Meta sar jaf Toni x’għamlet bintu, huwa ggustaha bl-innoċenza tagħha, l-istess bħalma għamlet Rita.