Rekord ta’ għawm għal nanna

Charles B. Spiteri
altDiana Nyad, nanna ta’ 64 sena u għawwiema prima, fl-aħħar wettqet ir-rekord li fasslet f’moħħha hi stess, f’għawma ta’ 103 mili, minn Kuba għal Florida Keys.
 
Biex din il-mara wettqet l-isfida tagħha stess, li minn dejjem kienet il-ħolma tagħha, ippruvatha erba’ darbiet oħra. Fl-aħħar irnexxielha wara li damet tgħum 52 siegħa, 54 minuta u 18.6-il sekonda. L-ewwel kliem tagħha lill-miljuni ta’ ammiraturi kienu: “Taqtgħu qalbkom qatt.”
 
B’dehra ta’ għejja u maħruqa bix-xemx, Diana Nyad imxiet ftit fuq ix-xatt ta’ Key West, biex saret l-ewwel persuna li rnexxielha taqsam bejn Kuba u Florida mingħajr ma daħlet f’gaġġa għal kontra xi attakki tal-klieb il-baħar.
 
Fix-xatt, ingħatat merħba kbira u sabet tistennieha stretcher, fejn ngħatat ukoll kura medika. Xufftejha kienu minfuħin.
 
altHi nnifisha baqgħet mistaġba kif ta’ 64 sena rnexxielha tidħol fil-kotba tal-kampjuni, u n-nies skantaw meta rawha miksija bil-melħ wara t-tul ta’ żmien li għamlet fl-ilma baħar.
 
Hi kienet ippruvat din l-għawma fl-1978, fl-2011 u fl-2012. Meta marret id-dar bagħtet tliet messaġġi bl-internet. L-ewwel wieħed kien jaqra: ‘Iċċedu qatt’. It-tieni: ‘Qatt m’aħna xjuħ iżżejjed għall-ħolm tagħna’, u t-tielet: ‘Qatt sport solitarju. Dan hu tim’.
Immedjatament in-nanna bdiet tirċievi messaġġi ta’ kongratulazzjoni. Sal-President Obama ttwitjaha u qalilha: ‘Nifraħlek. Qatt iċċedi għall-ħolm tiegħek.’
 
Bl-għawma tagħha, Nyad kisret ir-rekord li kien sar fl-2012, minn Penny Palfrey, li wkoll għamet f’ħin rekord minn Kuba għal Florida.
 
Peress li fl-attentat ta’qabel, Nyad kellha tieqaf minħabba ħsara fid-dgħajsa, maltempati, kurrenti xejn favorevoli u bram, din id-darba libset libsa protettiva apposta, ingwanti, boots u maskra għal bil-lejl, meta l-bram jitla’ fil-wiċċ.
 
It-tim tal-apoġġ akkumpanjaha f’tagħmir li ġġenera kurrent irqiq madwarha biex il-klieb il-baħar ma jersqux lejha, u mad-dgħajsa ddendel ħabel biex juriha d-direzzjoni li kellha tibqa’ fiha.