Iż-Żuż

Ħemda fil-Blata l-Bajda

Fil-Blata l-Bajda jirrenja l-kwiet għajr għal xi ftit storbju tal-karrozzi u l-għajat tal-tliet bejjiegħa li jiġu bil-bhejjem tagħhom. Dawn tal-aħħar tagħrafhom mill-ewwel. Lil Salvu, l-ewwel li nisma’. Għandu l-għajta “tal-bajd hawn!” Warajh, meta jkollu l-ħut, jitla’ Ġużeppi, b’leħen ta’sinjorina jgħajjat “Għajnu ħamra”, u “Frisk it-tonn”. Imbagħad nisma’ l-għajta l-oħra “Galluwa hawn.” Dan hu l-laqam li bilfors jogħġob lill-bejjiegħ tal-ħaxix u annimali.

Madankollu s-skiet li waqa’ f’dawn l-aħħar jiem fil-Blata l-Bajda jinqata’ b’sikkina. Qisu kulħadd daħal f’qoxortu. Għalkemm għad għandi erba’snin, qed nagħraf li l-uċuħ tas-soltu huma differenti.

In-nanna ġieli kienet tbeżżagħni biż-Żuż. Raġel mibni saffejn u twil ħafna, li kulħadd jibża’minnu appena narawh għaddej fit-triq. U l-istorja bqajt niftakarha għax ġieli reġgħet tambritli dwarha. Iż-Żuż, hu l-laqam ta’ Ġużè Darmanin, li tbeżżagħni minnu. Hu bniedem li jħobb il-qatra u meta ma jibqagħlux boqxiex fil-but, jara x’jagħmel biex ibill griżmejh.

Minnu jibża’ kulħadd, inklużi l-aqwa pulizija tal-Korp, li sa dan iż-żmien jiddaħħlu fil-Korp jekk mill-inqas, ikunu twal ħames piedi u seba’ pulzieri u ta’fiżiku tajjeb. Aħseb u ara għalhekk, kemm jibżgħu aktar is-sidien tal-ħwienet li jkunu miftuħa tul il-jum. Ma hemm jiem jew ħin stabbilit ta’meta jinħtieġ il-flus. Meta nieqes minnhom, sempliċement jidħol u jordna lil min isib biex jisilfu jew jagħtih il-flus li jkollu. U min jinsab wara l-bank tal-ħanut ma tantx jibqagħlu għażla. Inkella jaf jispiċċa bil-ħġieġ tal-vetrini kollha mkissra u b’ħanut imqalleb ta’ taħt fuq.

Jingħad li ż-Żuż jasal jagħmel din l-istraġi kollha, jekk ma jkollux flus biex jixrob għal dakinhar. Wara, ġieli jmur irodd il-flus li jkun iddobba. Iżda mhux ħanut jew tnejn jagħlqulu l-bibien hekk kif jilmħuh għaddej fit-triq u jiġbed in-naħa tagħhom.

Għar-rakkont, tajjeb jingħad ukoll li bħalissa qed jingħadu bosta stejjer li juru kemm iż-Żuż kellu qalbu tajba u jgħin lil ħaddieħor meta ma jkunx xurban.

Issa, nhar il-Ġimgħa 3 ta’Ġunju 1955, qed tinxterdet l-aħbar mal-Ħamrun kollu li qatlu liż-Żuż. Kulħadd jinsab mistagħġeb, għax hi aħbar li qajla tista’ titniżżel. Min se jazzarda jdendel kusu maż-Żuż, meta dan hu wieħed mill-aktar nies magħrufin ta’Malta għas-saħħa li għandu? Forsi l-inċident ġara waqt li ż-Żuż kien xurban!

Madankollu hekk kien, u l-lum it-Tnejn 6 ta’Ġunju, Manwel Mercieca ta’44 sena mill-Ħamrun, beda għaddej kumpilazzjoni mixli bil-qtil ta’Ġużè Darmanin ta’48 sena.

L-aħbarijiet ta’ kif ġara l-każ qed jaslu qabel dawk tal-gazzetti u l-każ qed inikket lil ħafna, avolja ż-Żuż forsi kien ibeżża’. Kollox seħħ f’ħanut fit-tarf tal-Mile-End  (biswit fejn illum hemm l-iskola Maria Reġina  – eżattament fil-Mile-End Bar). Bħalissa, f’dan il-ħanut isir xogħol tal-qasab.

Qed jingħad li jumejn qabel l-inċident, iż-Żuż għadda minn quddiem il-ħanut ta’ Mercieca u dan qallu li l-flus li kellu jagħtih tax-xorb jinsiehom iżda minn dakinhar ’il quddiem kellu jħallas, għax hu għandu familja. Iż-Żuż staqsieh x’kellu jagħtih u Mercieca wieġbu 17s (17-il xelin huma żewġ ewro). Wara ftit, iż-Żuż reġa’għadda mill-istess post u ta s-17s lil Mercieca.

Skont ma qegħdin nisimgħu fix-xhieda; dakinhar tal-inċident, iż-Żużr eġa’mar fil-ħanut ta’Mercieca u waqt li qallu li kien kisru, ħatfu mill-qmis u pprova jagħtih daqqa ta’ ponn. Mercieca żgiċċalu u ħareġ jiġri ’l barra. Iż-Żuż ħareġ warajh u l-imputat xejjirlu daqqa ta’ sikkina li kien juża biex jaħdem il-qasab. Wara ftit, iż-Żuż batta fl-art. Manwel Mercieca, li aktarx beża’meta ż-Żuż daħallu fil-ħanut, kien bagħat lil tifel tiegħu l-Għassa tal-Pulizija biex jgħidilhom li ż-Żuż kien qed jiġġieled. Meta waslu fil-post, iż-Żuż kien kważi mejjet.

 

Awtur: Charles B.Spiteri