Żift
ŻIFT 1. Għelk li joħroġ mis-siġra taż-żnuber. Dan jista’ jissajjar u b’hekk isir ta’ kulur sewdieni. 2. Kelma oħra għal-likwidu li jixbah lill-qatran.
Din il-kelma ġieli tingħad bħala ewfemiżmu għal kelma oħra vulgari. Hemm qawl li jgħid hekk: Il-qorti għatba taż-żift, tmidd sieqek fuqha u teħel.
Xixu
XIXU Logħba tat-tfal li kienet tintlagħab fit-toroq bejn żewġt itfal jew aktar. Dawn jużaw biċċtejn injam – waħda twila bejn 30 u 40 ċm u l-oħra laqxa ta’ bejn 5 u 10 ċm. Din tal-aħħar titqiegħed mal-art, u bl-injama l-kbira t-tfal kienu jagħtu daqqa b’saħħitha mat-tarf tal-injama ż-żgħira, biex din jalzawha mill-art u hekk tittajjar fl-ajru kemm jista’ jkun ’il bogħod. Jirbaħ il-logħba min iwassal l-injama l-aktar ’il bogħod. Meta l-laqxa jtajruha ’l hinn, imbagħad, kienu jgħidu, ‘Kemm se tieħu sal-posta?’ jiġifieri ‘Kemm hemm bogħod minn fejn waqgħet il-laqxa sa fejn hemm il-post aħħari fejn trid titwassal?’ U l-ieħor jgħid, ‘Ħa nieħu ħamsin’ (it-tul tal-injama mmultiplikat ħamsin darba). Allura jekk ikollu dubju jrid ikejjel ħamsin tul tal-injama t-twila mill-post fejn taret il-laqxa. Jekk il-ħamsin joqogħdu, jiżdiedu mal-punti, u jekk le jitlef kollox. Ir-regoli u l-intriċċi kienu jinbidlu skont it-tfal ta’ dak il-post.
Sorsi: Mario Galea, Facebook, Kelmet il-Malti.
Talja
Stola u Salib
STOLA U SALIB Espressjoni li tfisser li bniedem li wieħed ikun qiegħed jirreferi għalih hu bla sold fil-but. Ara Joseph Aquilina.
Ħajr lil Dun Ġwann Galea.
Smaċtu / Żmaċtu
SMAĊTU / ŻMAĊTU Bniedem stramb li jġib ruħu mhux tas-soltu. J.A. jgħid li din tista’ tkun ġejja minn ‘xiżmatiku’.
Kelma oħra simili hi SMAJĊ / ŻMAJĊ / SMAJTX – raġel tal-kampanja. Bniedem li jiġbor iż-żibel.
Kelma li kienet tintuża mill-Militar Ingliż u li kienet tirreferi għal xi ħadd li xogħlu kien li jiġbor iż-żibel fil-kwartieri tas-suldati. Ing. smitch. Din il-kelma hi waħda minn żewġ loan words mill-ilsien Ingliż li jidhru fid-dizzjunarju ta’ G.B.F. (1945).
Ara: IBBLAKKA.
Skufja
SKUFJA Kappa tas-suf jew tal-għażel maħduma b’mod li tagħfas mar-ras minn fuq u b’żigarella tinżel mal-għonq u tinqafel taħt il-geddum. Din tintlibes l-aktar min-nisa u għaldaqstant tkun iddekorata mit-tarf bil-bizzilla. Tintlibes ukoll mis-sorijiet u tista’ wkoll tinħiet għat-trabi. L-espressjoni figurattiva ‘għadu jilbes l-iskufja’ tfisser li għadu qisu tarbija fl-imġiba tiegħu. Il-qawl ‘Kieku kelli nbigħ l-iskufji kieku t-trabi jitwieldu bla ras,’ jirreferi għal xi ħadd li fin-negozju jsofri dejjem.
Sors: Il-Qawl Iqul, p. 135.
Siċċa
SIĊĊA L-għadma tas-siċċa kienet tintuża mill-artiġjani li jipproduċu diversi tipi ta’ xogħol ornamentali li jintlibes bħala żina, pereżempju l-gamew, il-kullani, iċ-ċrieket u bosta affarijiet oħra magħmulin mid-deheb u materjal prezzjuż. Is-siċċa kienet tintuża biex l-ewwel jitnaqqax fiha d-disinn li wieħed jixtieq imbagħad f’din il-forma negattiva jintefa’ l-materjal, bħal deheb imdewweb, biex jieħu dik il-forma tad-disinn fil-varjazzjoni pożittiva tiegħu.
Rikuża
RIKUŻA Terminu legali. Talba li ssir minn xi parti f’kawża, sew jekk kriminali u wkoll jew ċivili, biex il-ġudikant ma joqgħodx fil-kawża, u dan għal xi waħda mir-raġunijiet li jsemmi l-Kodiċi tal-Proċedura u/jew minħabba ksur ta’ xi dritt fundamentali u kostituzzjonali tal-individwu. Ir-rikuża hija intimament marbuta mal-bażi stess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. It-terminu ġej mill-verb Taljan ricusare – jiġifieri rrifjuta jew waqqaf milli jsir xi proċediment; ma aċċettax li jkun inkarigat xi ħadd partikulari. Eż. Il-gvern irrikuża tnejn mill-imħallfin. Jew, ‘Il-President tal-Qrati rriġetta r-rekużazzjoni tiegħu.’
Ħajr: L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.
Qana
QANA Mhix kanal tal-ġebel, imma bħal speċi ta’ ħawt ftit usa’ mill-bramel tas-sienja, u timtela bl-ilma meta dawn iferrgħu l-ilma għal ġo fiha. Il-qana tkun magħquda mal-kanali tal-ġebel, li jwasslu l-ilma fejn iridu l-bdiewa. Hemm ukoll il-qana tal-bir, bħal ħofra ċatta ħdejn il-bir biex l-ilma tas-sieqja jinżel l-ewwel ġo fiha. Nota: Il-vokali ta’ din il-kelma huma qosra bħal f’qata’.
Sors: Anton F. Attard.
Qamar
QAMAR Rif. għal darba f’qamar. L-espr. t-tajba hija darba f’mitt qamar, u tfisser rarament.