
Darba waħda, Donna u n-nannu reġgħu spiċċaw waħidhom id-dar. In-nannu qagħad jara t-televixin sakemm sar il-ħin għall-ikel. Donna filli kienet ħdejh u filli għebet. Tgħid x’kienet qiegħda tpaspar minn wara dahru!
In-nannu kienet għoddha marret għajnu bih meta f’daqqa u l-ħin lemaħha mill-ġdid maġenbu fil-kċina. Staqsieha fejn kienet u hi weġbitu li marret tilgħab ftit mal-qattus. In-nannu ried ikun jaf fejn kien il-qattus u t-tifla ħarrfitlu li kienet ħarġitu fil-bitħa interna qabel marret lura fil-kċina. In-nannu bħal donnu emminha u ma kellimha xejn.
Hekk kif Donna poġġiet fuq is-sufan, riedet taqleb l-istazzjon biex tara l-programm favorit tagħha. In-nannu kkuntentieha ħalli xejn xejn ikollha fiex tedha u tħallih kwiet. It-tifla qattgħet l-isbaħ siegħa b’għajnejha mwaħħlin mat-televixin. Sadanittant, in-nannu ħa nagħsa.
F’salt wieħed, beda jinstema’ d-daqq tal-pjanu li beda jdamdam kullimkien. Fis-salott suppost ma kien hemm ħadd, imma l-pjanu żgur li ma kienx idoqq waħdu. In-nannu qam maħsud u serraħ rasu xħin sab lil Donna għadha bilqiegħda ħdejh, għax għall-mument kien ħaseb li marret iddoqq il-pjanu waqt li kien rieqed.
Iżda Donna qisha kienet taf min kien qiegħed idoqq dawk in-noti bil-goff. Bdiet tidħak kemm kellha saħħa u tgħid lin-nannu li fis-salott kien hemm fatat idoqq il-pjanu. In-nannu ma felaħx jissaporti iżjed. “X’fatat hu? Ta’ zitek?” weġibha, filwaqt li ta ġirja lejn is-salott biex jara x’kien ġara.
In-nannu stagħġeb mhux ftit b’dak li ra quddiem għajnejh malli daħal fis-salott. Sab lill-qattus miexi fuq il-pjanu. Tatu rasu u mar ineħħih minn hemm. Dlonk intebaħ li din kienet xi praspura oħra minn ta’ Donna. Ma kienx ħaseb ħażin, tafux.
Donna kienet tellgħet lill-qattus fuq il-pjanu biex joqgħod jimxi fuqu u jdoqqu. Għamlet hekk meta llargat minn fejn in-nannu aktar kmieni, għax qatt ma kien iħalliha mqar tmissu ma jmurx tiskordah. Tal-inqas issa setgħet tisimgħu jdoqq xorta waħda bis-saħħa tal-qattus.
In-nannu ma tantx kellu aptit id-daħk. Il-pjanu kien ġralu l-ħsara u kellu jonfoq il-flus bla ħsieb biex jirranġah. Imma lil Donna kienet għoġbitha din il-biċċa tal-qattus jimxi fuq il-pjanu u tgħidx kemm kienet tidħak bil-qalb meta tiftakar fiha. Minn dakinhar `l hemm, in-nannu ħadha drawwa jsus wara Donna kull darba li jinzertaw waħidhom id-dar ħalli ma tazzardax tagħmel xi straġi oħra.