Il-Poeżija Rebbieħa

Charmaine Tanti

Charmaine Tanti

Matul is-sajf, il-mamà kienet taħdem bin-nofstanhari. Kien ikollha aktar ħin liberu mix-xitwa, li fih setgħet tnaddaf id-dar, taħsel il-ħwejjeġ u tistrieħ xi ftit. Kif tasal id-dar mix-xogħol, kienet tiekol xi ħaġa żgħira tal-ikel u l-frott, u wara tintefa’ fuq is-sodda għax is-sħana kienet tħalliha bla saħħa. Is-skiet ta’ madwarha kien idejjaqha u għalhekk kienet tiftaħ ir-radju ta’ fuq il-komodina biex ikollha kumpanija.

Ta’ kuljum, fost il-ġimgħa kien ikun hemm programm fuq wieħed mill-istazzjonijiet tar-radju, li dejjem kien jibda għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Il-programm kien jismu “Lenti Fuq Il-Malti” u kien iddedikat kollu kemm hu lil-lingwa u lill-poeżija Maltija.

 Il-mamà kien l-għors tagħha tisimgħu għax kien iġibilha bosta memorji sbieħ tal-lezzjonijiet tal-Malti ta’ tfulitha, li kienet tattendi għalihom b’tant ħerqa l-iskola. Anki għall-eżamijiet tal-Malti dejjem stinkat u studjat għalihom bil-ħeġġa u ta’ kull sena kienet tiġi l-ewwel fihom minn fost xi disgħin studenta. Elise kienet fula maqsuma magħha minħabba li fil-Malti kienet tibbrilla wkoll u tkaxkar il-premjijiet l-iskola. Dnub li fil-ħin tal-programm ma kinitx tkun hemm, iżda fil-vaganzi hi u ħutha ma tantx kienu jfittxu l-kenn tad-dar.

Darba minnhom, il-preżentatur għamel kompetizzjoni ferm interessanti għas-semmiegħa tiegħu. Kienet tikkonsisti f’kitba ta’ poeżija qasira u min kien imħajjar, kellu biss ġimgħa ċans biex jieħu sehem fiha. Il-mamà ħatfet l-opportunità u daħlet għall-kompetizzjoni b’ruħha u b’ġisimha. Riedet tittanta xortiha u tikteb poeżija ta’ ftit versi għall-ewwel darba f’ħajjitha dwar uliedha li għaliha kienu kollox. Damet taħseb x’versi se tikteb, u n-nannu Ġużi għamlilha kuraġġ ta’ sur biex tipparteċipa. Meta l-versi kienu ċari f’moħħha, qagħdet bilqiegħda u ħarbxithom fuq karta:

                                                       Uliedi   

                                                     Uliedi tassew ħelwin.

                                                     Jinkwetawni mhux ħażin

                                                     Għax ftit jew wisq imqarbin.

                                                     Iżda huma tfal tajbin

                                                     Kif iridhom il-Bambin,

                                                     Għax iħobbu lil xulxin.

Wara li lestiet din il-biċċa kitba li semmietha “Uliedi”, il-mamà marret tiġri turiha lin-nannu Ġużi, li tgħidx kemm ferħilha tal-isforz li għamlet għax tassew kellha xogħol tajjeb. Kienet poeżija sempliċi għall-aħħar, li kienet tikxef kemm il-mamà kienet kburija b’uliedha. In-nanna Marija u l-papà wkoll ħadu gost jaqraw din il-poeżija hekk ħelwa. Imbagħad il-mamà ttajpjatha pulita u bagħtitha bid-dettalji tagħha mehmużin magħha lill-programm tar-radju.

L-eċċitament tagħha beda jiżdied dejjem iżjed ma’ kull jum li jgħaddi, u meta waslet il-ġurnata tant mistennija, il-mamà kellha seba’ mitt sena sakemm jibda l-programm. Qalbha bdiet tħabbat sitta sitta xħin il-preżentatur kien se jħabbar ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni, u waħħlet widintha mar-radju biex tisma’ sew. Kif intqal l-isem tar-rebbieħ, il-mamà ma riditx temmen lil widnejha u kienet għoddha mietet bil-ferħ. Minnufih, ċemplulha l-papà u n-nanniet biex jgħidulha prosit għax kienu għadhom kemm semgħu isimha jissemma’ bħala r-rebbieħa tal-kompetizzjoni tal-aqwa poeżija. Dakinhar il-papà kompla jikkonferma kemm il-mamà kienet tinqala’ għal kollox, u bis-saħħa tal-kapaċita` tagħha, Elise, Luca u Peter gawdew il-premju li rebħet. Il-vawċer ta’ tmenin ewro f’xiri ta’ kotba, li rċeviet xi ħmistax wara bil-posta mingħand l-isponsor tal-kompetizzjoni, nefqitu kollu għalihom biex ikollhom ħafna kotba x’jaqraw u b’hekk tgħinhom jitjiebu iżjed fil-Malti.

                                                               TMIEM