Misteru jew Miraklu?

ta’ Ronald Bugeja

Ir-rakkont tal-lum se jlaqqagħna ma’ misteru uniku. Din il-ġrajja ġrat vera u l-esperjenza tagħha għadna nisimgħu biha sal-ġurnata tal-lum stess.

Ronnie kien jgħix man-nanniet tiegħu ġo dar antika n-naħa tal-Kottonera, fejn hekk kif issemmi l-isem tal-Isla naħseb li kull wieħed u waħda minna l-ewwel ħsieb li jgħaddilu minn moħħu jkun l-istatwa li ħafna devoti tagħha, li bla dubbju hija l-istatwa mirakoluża ta’ Ġesù Redentur. Id-devozzjoni lejn din l-istatwa prestiġjuża hija ferm kbira u magħrufa mal-Maltin u l-Għawdxin.Misteru jew Miraklu BDL Books

Iżda fil-ħajja, kif jgħidu, minn kollox issib u mhux wieħed jew tnejn issib lil minn jgħidlek li għal xi raġuni jaqbdu biża’ kbir meta jħares lejn din ix-xbieha. Ovvjament, l-istatwa tar-Redentur tirrappreżenta parti kbira minn dak li Sidna Ġesù Kristu għadda minnu fit-tbattija tiegħu.

Ronnie kien jorqod ġo kamra tas-sodda żgħira. Kulma kienet wiesgħa din il-kamra kienet żewġ metri b’erbgħa u kienet tant żgħira li lanqas bieb ma kien hemm fejn joqgħod allura kienu għamlu purtiera. Naħa minnhom tas-sodda kien iserraħ mal-ħajt u kien jifdal passaġġ żgħir b’wisa’ ta’ komodina biex toħroġ minn ġol-kamra. Din il-kamra, bħal ħafna bini antik, kellha xi ħaġa partikolari għax fuq sodda kien hemm bħal niċċa b’disinn ta’ erbat iċrieki magħquda f’wieħed għal forma ta’ salib. Ġo din in-niċċa kien hemm injama minn naħa l-oħra taċ-ċirku biex tifforma xkaffa. Din l-ixkaffa kienet miksija bid-drapp tal-pannu ta’ lewn aħmar. Din kienet isservi biex nanntu kienet tinxtagħal xemgħa quddiem stampa li kienet imwaħħla ma’ kartonċina tal-bennejja u mingħajr il-ħġieġa.

Din kienet stampa tal-istatwa ta’ Ġesù Redentur. Għal xi raġuni Ronnie kien dejjem jilmenta man-nanniet tiegħu biex jibdluh dak ir-ritratt u jagħmlu stampa ta’ xi qaddis ieħor jew tal-Madonna. Meta n-nanniet tiegħu kienu jistaqsuh għaliex ried hekk, Ronnie kien jgħidilhom li hu kien jibża’ minnu u kien jiddejjaq iħares lejh.

Darba fost l-oħrajn, waqt li kien lest fis-sodda biex jorqod, kien qiegħed jitlob it-talba ta’ filgħaxija kif kien imdorri jagħmel is-soltu u fit-talba tiegħu hu talab lil Ġesù u staqsieh għaliex qed kien qed jibża’ mill-istampa tiegħu.

“Għaliex niddejjaq inħares lejk meta jiena naf kemm tfisser għalina l-bnedmin?” U wara t-talba Ronnie raqad! L-għada filgħodu nannuh mar iqajjem lit-tifel għall-iskola kif kien jagħmel is-soltu iżda hekk kif ressaq il-purtiera u xegħel id-dawl, għajnejh marru dritt fuq din l-ixkaffa! X’kien ġara?

Huwa nnota li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha! Dak il-ħin Josef kien għadu rieqed fil-fond u lanqas biss intebaħ li nannuh kien xegħel id-dawl tal-kamra. Din l-istampa kienet qiegħda fuq l-ixkaffa sserraħ sewwa mal-ħajt. Ħaġa tal-iskantament hija li din l-istampa għelbet waħedha għal fuq in-naħa tax-xemgħa bil-konsegwenza li n-nar ta’ mal-ftila mess mal-istampa u bdiet taqbad! In-nar irnexxielu jtaqqab l-istampa kif ukoll il-kartuna, iżda b’għaġeb liema bħalu n-nar tax-xemgħa ntefa u ma kompliex jaqbad.

Dak il-ħin nannuh stagħġeb, u peress li Ronnie kien għadu rieqed ma setax jevalwa eżattament x’wassal biex l-istampa għelbet!

Meta Ronnie telaq lejn l-iskola, kemm nannuh flimkien ma’ nanntu qagħdu jaraw x’seta’ ġara. L-ewwel ma ħasbu n-nanniet tiegħu kien li forsi hu stess prova jaħraq din l-istampa; iżda kif seta’ jekk hu ried sellum biex ileħħaq ma’ din l-ixkaffa u l-unika sellum li kien jeżisti fid-dar kien jinżamm marbut fit-taraġ tal-bejt? Bejniethom bdew jirraġunaw. Nannuh qal li hu kien qam darbtejn mal-lejl, imma ma sema’ xejn u żgur li t-tifel ma kienx qam. Nanntu rrispondiet u qaltlu li hi tisma’ t-tokki tal-arloġġ tal-knisja, u għalhekk kieku qam u ħa s-sellum kienet sejra ma’ tismax lit-tifel iniżżel is-sellum? In-nannu żied jgħidilha li forsi pprova jleħħaq b’xi ħaġa biex ineħħiha, iżda huma baqgħu jsostnu li fl-ebda ħin ma semgħu xi ħsejjes ġejjin mill-kamra ta’ Ronnie.

Huma skantaw kif din l-imbierka stampa xejn ma kellha biex tieqaf taqbad! In-nar seta’ jibqa’ jinfirex anki minħabba li l-istampa kienet ġa bdiet taqbad u n-nar kien ġa taqqabha din l-istampa, u kif irnexxielha tegħleb waħedha ħadd minnhom ma kien jaf!

Kif mar lura id-dar, nannuh prova jieħu minn moħħ it-tifel x’seta ġara f’dak il-lejl ta’ qabel ma raqad iżda hu kien pront qal lil nannuh li hu kien talab lil Ġesù biex ineħħilu l-biża’ li jiġih meta jħares lejn Ġesù Redentur.
Misteru jew miraklu? Min jaf! Iżda li huwa żgur hu li kieku l-istampa ħadet in-nar kieku abbli kien jispiċċa jinħaraq hu wkoll minħabba li kienet eżatt fuq is-sodda u kien ferm faċli li kienet tieħu n-nar waqt li Ronnie kien ikun rieqed. Ma kinitx xi kumbinazzjoni iżda kien sinjal li Ġesù sema’ t-talba tiegħu u bagħatlu sinjal biex ma jibqax jibża’ minnu u jagħmel il-kuraġġ. Fil-fatt Ronnie baqa’ devot lejn Ġesù Redentur u l-istampa għadha ppriservata sewwa ġo gwarniċ magħluq.