It-tqassim tal-ħalib fl-iskejjel tal-Gvern


L-istages 1, 2 u 3 tal-iskola tal-Gvern temmejthom. Issa, li se nibda Standard 1, qed nara tibdila oħra. Dari, kull sena, in-nannu kien jixtrili bagalja żgħira tal-kartun mingħand il-ħanut ta’ Grech, jew mingħand Dolor – żewġ ħwienet ’l isfel minnha. Tal-ewwel, l-aktar li tbigħ huma żraben u Dolor aktar mixħuta fuq ħwejjeġ ta’ taħt, kutri lożor u affarijiet simili.

Għal din is-sena, n-nannu mhux se jixtrili bagalja tal-kartun iżda basket tal-kanvas li jiddendel mal-għonq b’ċinga twila. Fih inqiegħed dak kollu li neħtieġ għall-iskola – kaxxa tal-lapsijiet bil-lapsijiet fiha, riga, kaxxa tal-lapsijiet tal-kulur, il-kolazzjon, sarvetta ċkejkna, kuċċarina u xi ħelu.

Maċ-ċinga ċ-ċkejkna, fuq in-naħa ta’ barra, li taqfel l-għatu tal-basket mal-basket innifsu, naqfel il-magg tal-ħalib minn widintu, kif jagħmlu l-istudenti l-oħra kollha.

Fl-iskola tal-Gvern mhux bħal fl-iskola tas-Sorijiet, li kienu jagħtuna l-ilma tal-bir! Tal-Gvern jagħtuna l-ħalib frisk. Għall-ħabta tad-9.30 a.m. l-għalliem jagħtina pillola u ftit żejt fil-kuċċarina tagħna stess. Il-pillola hi tal-kalċju u ż-żejt hu żejt tal-ħuta.

Iż-żejt nixorbuh minnufih. Fih togħma ħażina u li tiġbdek. Il-pillola noħduha ftit wara, hekk kif jinstema’ bidillu jiġbed il-crates tal-ħalib tul il-kuritur kollu. Jieqaf ħdejn kull klassi; aħna noħorġu ringiela fil-kuritur, u hu jitfgħalna l-ħalib fil-magg u nixorbuh barra l-klassi. Bih nibilgħu l-pillola tal-kalċju. Hawn min għadu jġib tazza tal-plastik, li ma jkollhiex manku.


Wara li nixorbu l-ħalib frisk – fix-xitwa, kważi ngazzat — nimxu sal-latrina u nlaħalħu l-magg. Imbagħad nixxuttawh bis-sarvetta. Sakemm indumu l-iskola, il-magg inqegħduh fil-basket, iżda meta nkunu se niskulaw, nerġgħu nqabbduh maċ-ċinga ta’ quddiem.

Dan l-imbierek basket jibda jimtela bil-mod il-mod. L-għalliem għadu jagħtina l-kotba kollha li neħtieġu. Il-pitazzi wkoll jagħtihomlna l-Gvern. Dawn tal-aħħar ikunu ġodda, iżda l-kotba mhux darba u tnejn ikunu użati. Ilkoll attenti u nisperaw li ningħataw ktieb ġdid, bla kitba fuqu u bla paġni milwija bid-dog ears. M’għandniex ċans li nbiddluhom, għax ħadd ma jrid ktieb użat jew maħmuġ. Għalhekk kulħadd jibqa’ b’dak li jmissu.

Kif għedt, il-Gvern jagħtina kollox b’xejn fejn jidħlu kotba u pitazzi. Anki l-kalċju u ż-żejt tal-ħuta. Ukoll il-ħalib ta’ kuljum!

Dan il-ħalib jasal fi fliexken kbar tal-ħġieġ. Fuq kull flixkun hemm imqabbżin fil-ħġieġ il-kliem MMU. Mhux darba u tnejn jagħtuna ħalib tal-kulur, li hu taċ-ċikkukata jew tal-banana li hu ferm itjeb mill-abjad. Forsi għax l-abjad nixtruh mill-ħwienet tal-merċa u għalhekk it-togħma drajnieha sew.

Wara xi żmien, qed jaslu fl-iskola l-fliexken żgħar, xi terz ta’ wieħed kbir. Il-bidillu jferragħlna fil-magg jew tazza. Minn żewġ fliexken minn dawn, nixorbu tlett itfal, għax l-ebda reċipjent qatt ma jimtela sax-xfar. Il-fliexken iż-żgħar m’għandhomx l-ittri MMU mqabbżin fil-ħġieġ, iżda huma miżbugħin b’lewn aħmar.

Aktar tard, flok fil-ħġieġ, il-ħalib qed jasal f’piramidi ta’ speċi kartun. It-togħma hi l-istess u permezz tagħhom qed ikun evitat il-periklu, għax ġieli jinkiser xi flixkun u jibqa’ xi frak tal-ħġieġ fil-kuritur. U jekk waqt il-kolazzjon jaqa’ xi ħadd fuqu, iweġġa’ u joħroġlu d-demm!

Awtur: Charles B. Spiteri