Arloġġ

Joseph Henry Abela, Qassis

alt

Sabiħ itektek għaddej bil-waqt magħdud. Qatt ma jieqaf, qatt ma jxellef bħal moħriet jiftaħ il-qlub. Jekk qatt taħseb li tirbaħlu jew tmejlu u tbattih, ħażin jgħarralek għax saħħtu ma tmur qatt.

Int torqod u tqum, taħdem u tistrieħ, tiekol, tlablab, titlewwem u tgħaddi ż-żmien sabiħ imma hu bla nifs itektek jiġbor kull sekonda bla ma jieqaf, bla jistrieħ. Xi darba għalik jieqaf meta inti ma tibqax imma għall-oħrajn jibqa’ jaqdef fuq ħalel minn dawk il-kbar.

Mhux aħjar titgħallem tqassam u tifraħ li hemm il-ħin, mhux aħjar iżżur il-ġonna u tqatta’ l-ħin mal-maħbubin. Għax għad tħares barra u tgħid kemm stajt għext aħjar, ħabbejt lil min ħabni u ħallejt id-dinja aħjar.

Bil-għaġla u bil-fixla ibda ħidma ma toħroġ sew. Aħjar bil-mod u sewwa u tasal fejn tixtieq qawwi u sħiħ. Jekk titgħallem tiekol tajjeb u ttiegħem bil-galbu u sew ikollok is-saħħa u l-mard ibewweġ tassew.

Tħallix l-arloġġ imexxi; se jibqa’ jdur, agħraf kif tgħix ħajtek ta’ kuljum, strieħ, aħdem, ħobb kif tista’ biex meta l-aħħar tokk idoqq, int tgħid għall-erwieħ kollox għamilt, issa nista’ mmur bil-kwiet. Saħħa arloġġ; għext ħajti !