Żmien ilu z-ziju Willie staqsieni rridx immur miegħu sa Raħal Ġdid għax kien beħsiebu jixtri kaxxa tad-daqq. Din hi xi ħaġa ġdida. Fid-dar għandna r-radju tan-nannu, li ma jħaddmu ħadd ħlief hu u l-kaxxa tar-Rediffusion. Il-kaxex tad-daqq li jdoqqu diski ma ssibhomx f’kull dar.
Ma domtx ma tajtu t-tweġiba. Qbadna l-karozza tal-linja mill-Marsa u niftakar li dakinhar, għalkemm dawn il-karozzi spiss jagħmluli d-deni, ma ġrali xejn, għax kont medhi b’din il-kaxxa li se nixtru.
Fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, maġenb il-knisja, nsibu raġel jistenniena, ħabib taz-ziju Willie u tamparu. Jismu Victor. Fit-triq qegħdin jitkellmu bejniethom. Jien maqtugħ għalija waħdi, qisni ma neżistix. Ftit wara, Victor idur lejja u qed jibda jkellem lili wkoll. Ma nafx kif u għaliex qed insemmilu li z-ziju Willie għandu ftit flus mhux ħażin.
Appena nidħlu fid-dar ta’ dak ir-raġel, li mhix bogħod wisq minn fejn waqafna bil-karozza tal-linja, iz-ziju Willie u hu, jidhru li ftiehmu fuq il-prezz tax-xiri. Għalhekk qed jagħtina wkoll basket b’xi kaxxi bid-diski li għandu, u li jindaqqu fuq il-kaxxa. Dawn qed jerfagħhom iz-ziju Willie. Victor qed joffri li jwasslilna l-kaxxa hu sal-karozza tal-linja. Magħluqa, din il-kaxxa tidher qisha bagalja tal-injam milli għad hemm bosta tfal iġibu magħhom.
Fil-karrozza tal-linja z-ziju Willie qed jgħidli li ma ħax gost bija li semmejt il-flus, għax dawk ma kinux affarijiet li għandhom isemmu t-tfal. Sa ma naslu d-dar, qed jagħmilli prietka sħiħa. Iżda qed nara li għandu raġun, ma jmurx jiġi xi ħadd u jisraqlu kollox!
Lanqas nilħqu naslu d-dar li ma noħodlux rasu biex jipprova jdoqq il-kaxxa. B’attenzjoni kbira jagħtiha l-ħabel, jissettjaha għad-diska, peress li tieħu l-kbar tal-74 dawra kull minuta u dawk tal-35 dawra u tlaqna ndoqqu xi diski.
F’waħda mill-kaxxi sibna d-diski tal-mument. Fost dawn, il-Baby Face u Sixteen tons. Din il-kanzunetta hawn ħafna li jagħtuha verżjoni b’żieda Maltija u jkantawha hekk: Sixteen tons, what do you get, a big mazzita and a small zalzett. Tinstema’ ħafna fit-triq wara li nispiċċaw mill-iskola.
Il-lum qomt ferħan. Xi ġimgħa ilu, iz-ziju Willie u z-zija Fefa kellhom l-ewwel tarbija tagħhom – tifel. Se jagħmlulu l-magħmudija u peress li l-festin li qed jippreparawlu se jagħmluh id-dar tagħhom, fi Triq it-Teatru l-Qadim, iz-ziju Willie jixtieqni nieħu ħsieb il-mużika jien. Dalgħodu, wassluni d-dar għandu, biex irranġajna kollox għar-riċeviment u qegħdin nippustjaw il-kaxxa tad-daqq f’rokna.
Filgħaxija qegħdin jaslu l-mistednin kollha. Fosthom il-mamà u l-papà u ħuti. Ħuti u tfal oħra qegħdin jinġabru madwari, biex jisimgħu l-kanzunetti u jaraw il-kaxxa tad-daqq kif taħdem. Għalxejn inwarrabhom mill-viċin, kif qalli nagħmel iz-ziju Willie, għax kulħadd qisu jrid jisma’ aħjar.
L-ewwel kanzunetta li se ndoqq hi Sixteen tons. Appena tintemm, it-tfal iridu jerġgħu jisimgħuha u għalhekk, biex nogħġobhom u biex kultant inewluli xi pastina qed nikkuntentahom. Iżda lil xi nies kbar fl-età, li huma mistednin għal din il-festa, qisha dejqithom l-istess kanzunetta u wieħed raġel qed jitlobni ndoqq oħra.
Allura issa jmiss il-Baby Face. Ħuti u l-oħrajn tamparhom qed jinġabru f’ċirku tond u jduru mal-kamra. Nixtieq ningħaqad magħhom, iżda ma nistax, għax l-inkarigu ma jippermettilix.
Il-ħin għaddej ġmielu. Uħud mit-tfal m’għadhomx iduru miegħi għax qabadhom in-nagħas. Jien ukoll nixtieq nieqaf mid-daqq għax xbajt, u għada għall-iskola. Ftit ftit, in-nies qed jitilqu mid-dar. Xi erbgħa jħarsu lejja huma u ħerġin. Ma nafx hux għax għoġbithom l-għażla xejn vasta li daqqejt, jew għax ippreferew id-daqq tal-kanzunetti mill-biki taċ-ċkejken Lino, li tiegħu hu l-festin tal-magħmudija. Hi x’inhi r-raġuni, jekk iddejqu bis-Sixteen tons, ma naħsibx li għandhom għalfejn jiddejqu bil-Baby Face, għax il-festin hu tal-baby!